Minn Għada Xogħol Ta’ Skavar Jista’ Jsir Biss Bejn Is-7:30am U L-4:00pm
Minn għada t-Tlieta 9 ta’ Novembru l-ħinijiet għal xogħlijiet ta’ twaqqigħ u ta’ skavar se jinbidlu u ma jistax isir iżjed xogħol ta’ dan it-tip wara l-4:00pm.
Dan ifisser li l-ħinijiet se jinbidlu minn kif qegħdin illum, jiġifieri bejn it-08:00 u s-14:00 u bejn l-16:00 u t-20:00 u jsiru bejn is-07:30 u l-16:00. Dawn il-bidliet se jkunu ppubblikati f’avviż legali.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius, fejn qalu li dan qed isir b’riżultat ta’ eżerċizzju ta’ ħidma kontinwa għal industrija iktar sostenibbli u fil-kuntest tar-riforma fis-settur.
Ntqal li dawn huma azzjonijiet li għandhom isaħħu u mhux idgħajfu l-industrija tal-kostruzzjoni, filwaqt li ntqal ukoll li permezz ta’ dan it-tibdil qed tinstema t-talba tal-familji biex jitnaqqas l-inkonvenjent u l-istorbju fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.
Il-kuntratturi li jagħmlu tali xogħlijiet huma mitluba jikkoperaw fil-mod ta’ kif jorganizzaw il-lantijiet tax-xogħol rispettivi tagħhom.