Mira Li Sal-Aħħar Tal-2022 Jiġu Rkuprati 70% Tal-Kontenituri Tax-Xorb Single-Use
Bħala r-regolatur nazzjonali tal-iskema għar-Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb (BCRS), l-aġenzija Circular Economy Malta (CEM) se tassigura li r-regolamenti eżistenti li jiggvernaw l-iskema huma rispettati u li, għaldaqstant, il-miri stipulati jiġu milħuqa fl-interess tal-ambjent.
B’hekk, huwa mbassar li f’Diċembru 2022 tintlaħaq l-ewwel mira li jiġu miġbura 70% tal-kontenituri tax-xorb tas-single-use li tpoġġew fuq is-suq matul is-sena 2022, u li huma rreġistrati mal-iskema.
F’April 2022, huwa ppjanat li titlesta l-fabbrika li fiha se jsir il-proċess ta’ riċiklaġġ. Fl-istess żmien, huwa mistenni wkoll li jitqassmu l-magni madwar Malta u Għawdex mis-settur privat.
Dan tħabbar mill-Ministru Aaron Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija CEM Anthony Rizzo matul konferenza tal-aħbarijiet, li fiha enfasizzaw l-inizjattivi li qed taħdem fuqhom l-istess aġenzija.
Il-Ministru spjega li l-għan aħħari ta’ CEM hu li l-ekonomija ta’ Malta timxi lil hinn minn waħda lineari. Huwa qal li l-BCRS b’mod partikolari se tkun qed toħloq ‘green jobs’ u fin-natura tagħha se tkun qed tibdel il-mod kif aħna niddisponu mill-kontenituri tax-xorb, kif ukoll tħeġġeġ lill-poplu ġenerali jħaddan kultura ta’ responsabbiltà li fl-aħħar mill-aħħar ingawdu minnha lkoll. Il-Ministru qal li l-ħidma tal-gvern qed tidher fl-investimenti privati li qed isiru f’inizjattivi ispirati mill-prinċipji tal-ekonomija ċirkulari.
Il-Ministru ħabbar ukoll li l-aġenzija, f’kollaborazzjoni mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, fasslet sett ta’ regolamenti li jiggvernaw l-Extended Producer Responsibility Scheme għal end-of-life tyres li ma jistawx jintużaw aktar. Wara proċess li jirrikjedi bosta xogħol, huwa skedat li tiġi ppubblikata Espressjoni ta’ Interess sabiex operaturi privati li huma interessati li jmexxu l-iskema jingħataw l-opportunità jissottomettu l-offerti rispettivi tagħhom.
Il-Ministru stqarr li l-aġenzija qed taħdem ukoll sabiex jiġi indirizzat l-iskart iġġenerat mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ. Għal dan l-għan, twaqqaf kumitat tekniku sabiex jiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni ta’ reconstituted jew rengineered stone. Dan il-kumitat huwa ppresedut minn l-istess aġenzija u magħmul minn rappreżentanti tal-Ministeru, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, u l-għan tiegħu huwa li jiddiskuti miżuri potenzjali sabiex jiġi indirizzat l-impatt negattiv li jħalli dan it-tip ta’ skart, f’konformità mal-Istrateġija tal-Iskart tal-Kostruzzjoni u tat-Twaqqigħ 2020-2025 ippubblikata mill-awtorità. F’Awwissu tal-2021, dan il-kumitat ressaq talba formali lejn l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur sabiex tabbozza standards ġodda għal end-of-waste aggregates, inkluż il-materjal tal-ġebla tal-franka.