Shyli Rose Tirritorna B’Diska Ġdida Bi Kliem Profond U Emozzjonali
“Tini daqqa u weġgħa lura ma nagħtikx, ħdura fija daqs kemm drajt ma fadallix…Int biss taf kemm ilni nbgħati tbikkinix, ommi tgħidli nħallik kwiet imma ma rridx…wisq uġigħ, ħallejtna waħdi mbikkma għandi wisq uġigħ…” Dawn huma l-lirika mill-ewwel ftit sekondi tad-diska l-ġdida li Shyli Rose nediet matul din il-ġimgħa, bl-isem ta’ ‘Tbikkinix’.
Diska sentimentali u emozzjonali għall-aħħar fejn Shyli trid tirrakkonta storja, però fuq kollox trid tqum fuq saqajha u timxi ‘l quddiem.
Bil-kliem profond u awtentiku, u b’vuċi mweġġa’, Shyli Rose ġibdet l-interess ta’ bosta segwaċi kif ukoll ta’ personalitajiet fis-settur fosthom Ivan Grech, Joven Grech u Howard Keith Debono.
Howard Keith, diġà ħadem mill-qrib ma’ Shyli meta Ira Losco ħarġet il-kanzunetta OMG. Fil-kummenti tiegħu fuq il-mezzi soċjali huwa qal “ma’ kontx nafa’ qabel, però l-vuċi tagħha kienet għoġbitni mill-ewwel…kien hemm xi affarijiet li ma kienux jogħġbuni li ma kienux relatati mal-vuċi tagħha, però kont naf li Shyli kellha x’titgħallem ħafna dwar l-industrija tal-mużika.”
“Ridt ngħid biss li dan huwa ta’ min jarah u jisimgħu,” tenna Howard fil-messaġġ tiegħu, li kif bosta jafuh jrid jkun verament xi ħadd li jkun ħalla mpatt fuqu biex jitkellem hekk. Huwa temm jgħid li “sinċerament nittama li tkompli fuq din it-triq għaliex nemmen li għandha xi ħaġa. Prosit Shyli din hija speċjali.”
F’kummenti li tatna Shyli qaltilna li dan huwa biss il-bidu tal-vjaġġ mużikali tagħha f’ħajjitha. Hija qaltilna ukoll li ħa nkunu qed nistennew aktar mużika mingħandha.
Ara l-filmat mużikali: