Wara 50 Sena Mijiet Ta’ Familji Se Jiġu Rikonoxxuti Bħala S-Sidien Ta’ Darhom
Serħan il-moħħ għal mijiet ta’ familji f’Malta u Għawdex, li ser jingħataw l-opportunita’ li jirregolarizzaw it-titolu ta’ l-art fejn hi mibnija darhom wara madwar 50 sena u jiġu rikonoxxuti bħala sidien ta’ darhom. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, waqt konferenza stampa li fiha nieda din l-iskema mill-Awtorita’ tal-Artijiet, flimkien mal-Kap Eżekuttiv is-Sur Robert Vella, fiż-żona tas-Salvatur, ir-Rabat. Din intgħażlet bħala l-ewwel post li ser iservi ta’ proġett pilota, qabel ma titkompla fuq żoni oħrajn bhal tal-Landrijiet, il-Baħrija u Ħad-Dingli fost ohrajn.
Il-Ministru Silvio Schembri saħaq kif dan il-Gvern qed jindirizza l-problemi tal-passat. Qal li din l-iskema se tindirizza lil dawk ir-residenzi ordinarji li huma mibnija fuq artijiet tal-Gvern mogħtija b’ċens temporanju u li l-iskop ta’ dak iċ-ċens kien wieħed agrikolu, kif ukoll dawk ir-residenzi ordinarji li huma mibnija fuq artijiet tal-Gvern moghtija bi qbiela, jew aħjar kera agrikola.
Fakkar kif fil-passat, madwar 50 sena ilu, kienet tingħata art bi qbiela lil bdiewa u dak iż-żmien kienu jibnu r-residenza tagħhom mal-istess għelieqi li kienu jaħdmu. Fl-2006, 15-il sena ilu, hafna minn dawn iż-żoni, tant kemm kibru ġew ikklassifikati bħala “insedjament rurali” fil-pjanijiet lokali ta’ l-awtorita ta’ l-artijiet. Dan flimkien mal-permessi tal-Ippjanar ġabu sitwazzjoni li ma tistax tibqa’ tiġi injorata. Qal li dan wassal sabiex għandna sitwazzjoni li dawn ir-residenti qegħdin jgħixu ġewwa residenza li għandha permess tal-Ippjanar iżda fil-limbu għaliex m’għandhomx titolu korrett tal-art u għalhekk dan l-ass tagħhom huwa bla valur.
Qal li maż-żmien, sar aktar evidenti li l-uniku mod kif tiġi evitata l-possibbiltà li mijiet ta’ familji jitilfu d-dar tagħhom huwa li titnieda skema maħsuba biex tirregolarizza dawn il-proprjetajiet permezz tal-għoti ta’ titoli validi skont kif tippermetti il-ligi.
Iċċara li din l-iskema mhux ha tirregolarizza xi binjiet bla permess f’żoni ODZ jew tagħti lok sabiex jinħarġu xi permessi ġodda. Din l-iskema m’għandha xejn x’taqsam ma’ permessi. Anzi sabiex tkun tista tikwalifika għal din l-iskema il-binja trid tkun koperta b’permess mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, trid tkun ir-residenza tal-applikant.
Schembri ħabbar li minn issa ‘l quddiem għal dawk mibnija fuq proprjetà tal-Gvern mogħtija b’ċens agrikolu, qegħda tiġi offruta s-soluzzjoni ta’ konverżjoni għal ċens residenzjali. Fl-istess ħin, għal dawk li jiġu rikonoxxuti bħala ċ-ċenswalisti b’din l-iskema, iċ-ċens temporanju jinbidel f’ċens perpetwu bir-rati ta’ ċens kif ippubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern. Fil-kas illi jingħata ċens perpetwu, dan irid jinfeda sa mhux aktar tard minn ħmistax il-sena mid-data tal-kuntratt, sabiex fl-aħħar ikun inkiseb titolu liberu w frank.
Bil-għan illi l-pubbliku jingħata l-inċentiv li jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu, l-penali ser ikunu raġonevoli. L-għan huwa wieħed, dak illi jiġi offrut ftehim ġust iżda affordabbli, għal dawn il-familji.
Il-Ministru Schembri kkonkluda billi qal li, “Dan huwa investiment fl-istorja tal-ħajja ta’ dawn in-nies. Nies illi jafu illi fil-wirt tagħhom kienu ser iħallu lill-uliedhom post li ma jiswa xejn għaliex għandu titolu difettuż u dan wara li stinkaw kemm felħu biex xtrawh u bnewh. Din hija l-Ekonomija ta’ ġid għal kulħadd”.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ l-Awtorita’ tal-Artijiet is-Sur Robert Vella spjega kif ser taħdem l-iskema, u ta rendikont tal-proċess u ta’ min jista jkun eliġibbli għal din l-iskema. L-iskema ser tkun miftuħa għal dawk li jistgħu jagħtu prova li huma residenti f’din il-binja u li ghandhom permess mil-Awtorita ta’ l-Ippjanar.