14-il Infermier Irriżenjaw F’Ġimagħtejn Mill-Isptar Karin Grech Biex Jaħdmu Fir-Renju Unit
Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, għamlet appell lill-Gvern sabiex jindirizza l-problema ta’ nuqqas ta’ infermiera fl-Isptar Karen Grech. Dan wara li fl-aħħar ġimgħatejn, 14-il infermier irriżenja minn dan l-isptar, biex issa l-Isptar Karen Grech għandu nuqqas ta’ ħamsin infermier.
Fi stqarrija l-MUMN spjegat kif fl-Isptar Karen Grech, minn 270 sodda, qed jintużaw biss 140.
Dan minħabba l-fatt li ħafna infermiera qed jirriżenjaw biex jaħdmu fi sptarijiet fir-Renju Unit. L-MUMN qalet li huwa fatt li ħafna infermiera qed jiġu Malta biex jiksbu l-esperjenza mbagħad imorru jaħdmu r-Renju Unit minħabba salarji ferm aħjar.
L-istess qed jiġri fl-Isptar Mater Dei fejn qed jirriżenjaw mat-tliet infermiera fil-ġimgħa biex imorru jaħdmu fir-Renju Unit.
Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel temmet tgħid li l-Ministru għas-Saħħa huwa iktar iffukat fuq il-kampanja elettorali milli fuq il-kriżi li qed jiffaċċjaw l-isptarijiet kuljum minħabba nuqqas ta’ infermiera.