650 Professjonist Jingħataw Taħriġ Dwar Kif Iwasslu Aħbar Diffiċli Dwar Twelid Jew Kundizzjoni Ta’ Tarbija
Mas-650 professjonist attendew taħriġ professjonali li permezz tiegħu ngħataw gwida ta’ kif għandhom jagħtu aħbar diffiċli relatata ma’ tarbija li tkun se titwieled jew inkella xi kundizzjoni li jkollha t-tarbija.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li saret konsultazzjoni u deher fiċ-ċar li aħbar daqstant sensittiva tista’ taffettwa lill-professjonisti li jagħtuha u anke tħalli impatt fuqhom matul iż-żmien.
Din it-tema hi waħda importanti ħafna, kemm għall-ġenituri, kif ukoll għall-professjonisti, iżda ma kinitx qiegħda tiġi indirizzata kif meħtieġ.
Għaldaqstant, waqt it-tfassil tal-politika dwar positive parenting, inħass il-bżonn li jingħata taħriġ u li dan it-taħriġ ikompli jingħata b’mod kontinwu.
Dan it-taħriġ sar f’sensiela ta’ seminars online, li matulhom kien hemm iċ-ċans li ssir diskussjoni dwar xenarji reali li jiltaqgħu magħhom il-professjonisti, tinqasam evidenza dwar kif l-aħjar li tingħata l-aħbar u anke jisimgħu każi ta’ ġenituri li esperjenzaw din l-aħbar.
F’dan it-taħriġ ħadu sehem professjonisti minn dixxiplini differenti fosthom infermiera, qwiebel, tobba, psikologi, u frontliners oħra bħal ħaddiema tal-ambulanzi.
B’riżultat tal-attendenza kbira għal dan it-taħriġ, qed jinħass il-bżonn li dan it-taħriġ ikompli jingħata anke matul is-sena d-dieħla biex ikun hemm firxa aktar wiesgħa ta’ professjonisti li jiġu mħarrġa.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli spjegat kif permezz ta’ dan it-taħriġ mhux biss qed jiġu mgħejjuna l-professjonisti ħalli jkunu aktar ippreparati meta jagħtu akbar daqstant sensittiva, iżda ġie wkoll iffaċilitat il-proċess biex il-familji li jkunu rċevew l-aħbar jibdew jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ minnufih.
“Kull ġenitur għandu dritt li jgawdi l-mumenti sbieħ ta’ wild ġdid mingħajr mal-aħbar tisraq dan il-mument uniku. Fl-istess waqt, meta tingħata l-aħbar, din għandha tingħata b’mod uman u bi pjan ta’ gwida ċar ta’ servizzi ta’ għajnuna li jeżistu,” kompliet il-Ministru Farrugia Portelli.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon laqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva u fisser l-importanza ta’ aktar investiment u taħriġ lill-professjonisti li kontinwament jiltaqgħu ma’ każijiet bħal dawn. Il-Ministru Falzon qal li hu kruċjali li l-ġenituri jkunu ppreparati minn stadju bikri dwar il-kundizzjoni tat-tfal, għax hekk jistgħu jħejju lilhom infushom.
“Wara li assistejna u rajna kif l-ewwel parti tat-taħriġ kien suċċess, issa nistgħu navvanzaw u nistabbilixxu metodi bi stil multi-dixxiplinarji bejn il-professjonisti, għax nemmnu li b’dan il-mod nistgħu nipprovdu pjan u ‘after care’ lill-ġenituri u anke lill-wild tagħhom,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Iċ-Chairperson tal-Positive Parenting Taskforce Ruth Sciberras iddeskriviet l-ewwel parti tat-taħriġ bħala suċċess, tant li mas-650 professjonist, l-aktar frontliners, ipparteċipaw u qasmu l-esperjenzi tagħhom, sabiex joħolqu aktar edukazzjoni, għarfien u etika f’suġġett daqstant delikat.
Ruth Sciberras qalet li l-pass li jmiss hu li tinbena iktar riċerka, filwaqt li t-taħriġ isir aktar fil-prattika, f’każijiet li proprju jikkonċernaw minn kumplikazzjonijiet fit-tqala sat-twelid ta’ trabi b’kundizzjonijiet diversi, fost l-oħrajn.
Ritratti: DOI