Ara X’Riformi Ġew Mħabbra Biex Jsaħħu S-Sistemi Korrettivi F’Pajjiżna

 Ara X’Riformi Ġew Mħabbra Biex Jsaħħu S-Sistemi Korrettivi F’Pajjiżna

Wara li kien ippubblikat ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, u anke hekk kif fl-aħħar jiem il-Bord ta’ Inkjesta li skrutinja l-operat tal-istess aġenzija temm il-ħidma tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri ħabbar sett ta’ riformi li bihom se jkompli jkun msaħħaħ il-qasam korrettiv f’pajjiżna.

Fid-dawl ta’ dan kollu, u fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ rapporti, se jkunu qed jidħlu fis-seħħ b’mod immedjat sett ta’ riformi ewlenin li se jsaħħu s-sistemi ta’ skrutinju fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi:

  • Twaqqif ta’ Kummissarju indipendenti għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri;
  • Tisħiħ tal-Bord ta’ Moniteraġġ tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin;
  • Aktar checks and balances fis-sistema
  • Ħidma konġunta ma’ għaqdiet volontarji li jaħdmu fil-qrib mal-priġunieri bħalma diġà hemm fuq diversi inizjattivi;
  • Sistemi li jsaħħu l-qagħda psiko-soċjali tal-priġunieri;
  • Reintegrazzjoni aħjar tal-persuni li jkunu skontaw is-sentenza ta’ priġunerija tagħhom, bil-għan illi jkun migġieled iċ-ċirku vizzjuż tal-kriminalità u biex ma jinħolqux vittmi ġodda.

Ma’ dawn u kif imħabbar fil-Baġit għall-2022, inbeda x-xogħol fuq iċ-Ċentru Rijabilitattiv Massimiliano Kolbe, fil-konfini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Dan iċ-ċentru l-ġdid se jkun l-ewwel tax-xorta tiegħu, u se jservi biex tinħoloq sistema ġdida f’livelli differenti ta’ sigurtà fl-istess faċilità korrettiva, filwaqt li ssaħħaħ il-proċess ta’ rijabilitazzjoni. Din il-binja se tkun qed takkomoda 140 priġunier, u li dawn se jkun offruti bosta faċilitajiet ta’ rijabilitazzjoni.

Fuq l-ordni u s-sistemi ċari li llum hemm fis-seħħ fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u li anke kienu rikonoxxuti fiż-żewġ rapporti msemmija, se tkompli għaddejja ħidma biex ikun hemm iżjed opportunitajiet għall-priġunieri. Dan kollu fil-parametri li l-ħabsijiet jibqgħu postijiet ta’ sigurtà u li fihom kemm il-priġunieri, kif ukoll l-uffiċjali kollha, jimxu u jaġixxu skont ir-regoli.

L-opportunitajiet ġodda għall-priġunieri jinkludu:

  • It-twaqqif ta’ family room barra l-konfini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin;
  • Taħriġ akkreditat u li jkun mogħti minn istituzzjonijiet ewlenin tal-edukazzjoni f’pajjiżna;
  • Bdil fir-regolamenti biex priġunier li jkun skonta s-sentenza tiegħu, jinħeles mill-Faċilità Korretiva ta’ Kordin matul il-ġurnata, minflok is-sistema attwali li jinħeles mal-lejl.

Il-Ministru Byron Camilleri ta spjega dwar dawn ir-riformi immedjati, fejn qal ukoll kif hu kommess li jara li r-rakkomandazzjonijiet l-oħra elenkati fir-rapport tal-bord tal-inkjesta jkunu implimentati fix-xhur li ġejjin.

Il-Ministru Byron Camilleri tenna dwar l-importanza li dan kollu jitpoġġa f’kuntest ħolistiku, u dwar kif mill-ġungla tal-passat fis-sistemi korrettivi llum għandna pedamenti sodi li minnhom jista’ tabilħaqq jinbnew sistemi korrettivi moderni u li jirriflettu l-ħtiġijiet tas-soċjetà tal-lum u tal-futur. Huwa saħaq dwar kif se jkompli jara li dan l-investiment bla preċedenti li għaddej f’dawn l-oqsma jħalli l-frott mistenni, hekk kif l-għan aħħari hu li filwaqt li tkun imnaqqsa l-kriminalità f’Malta, dejjem titnaqqas il-possibilità ta’ vittmi ġodda tal-istess kriminalità.

Dawn ir-riformi li se jidħlu fis-seħħ b’mod immedjat huma ħolqa oħra fil-katina ta’ bidliet kbar li qed iseħħu fl-oqsma tas-servizzi korrettivi. Fl-aħħar snin l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi rat l-ikbar ingaġġ ta’ professjonisti multi-dixxiplinarji fil-qasam mediku, kif ukoll investimenti fi proġetti ta’ kura state-of-the-art fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Flimkien ma’ dan baqa’ jkun miġġieled l-abbuż tad-droga fil-ħabsijiet, kif ukoll it-titjib fl-iġjene u ż-żamma tajba tal-ambjent fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com