Ara Dak Kollu Li Tħabbar Waqt Il-Konferenza Tal-Lum…
Tul il-lejl, pajjiżna kkonferma l-ewwel żewġ każijiet tal-varjant Omicron fil-komunità. Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li spjega li dan il-varjant huwa wieħed mir-raġunijiet wara ż-żieda fil-każijiet li qegħdin nirreġistraw f’dawn il-jiem. Huwa fisser kif għalkemm l-ammont ta’ persuni rikoverati fl-isptar Mater Dei bil-COVID-19 baqa’ relattivament baxx, l-awtoritajiet tas-saħħa qegħdin ikunu kawti ħafna sabiex is-sitwazzjoni tibqa’ taħt kontroll.
Il-Ministru Fearne spjega li l-varjant Omicron jittieħed ħafna iżjed malajr mill-varjanti li esperjenza pajjiżna sa issa, madanakollu saħaq li mhuwiex iżjed sever mill-varjanti l-oħra u li l-booster huwa effettiv kontra dan il-varjant. Għaldaqstant, il-programm tal-booster se jipprogressa iżjed, u min-nhar it-Tnejn, 27 ta’ Diċembru, persuni ta’ ‘l fuq minn 18-il sena jistgħu japplikaw għall-booster tal-COVID-19 fuq vaccin.gov.mt.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li sa issa diġà tlaqqmu 182,000 persuna bil-booster f’pajjiżna.
“Hawnhekk jidher l-għaqal tal-gvern li ħaseb għal iżjed dożi tal-vaċċin, u wassal biex pajjiżna bħalissa huwa lest li jkompli jestendi l-programm tal-booster għall-poplu Malti u Għawdxi kollu,” saħaq il-Ministru Fearne.
Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet kien spjegat li mis-17 ta’ Jannar iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun validu għal tliet xhur mit-tieni doża tal-vaċċin tal-COVID-19, u disa’ xhur mid-data tad-doża tal-booster. Fil-każ ta’ tfal ta’ taħt it-18-il sena, iċ-ċertifikat tal-vaċċin se jkun validu għal sena wara t-tieni doża.
Id-Deputat Prim Ministru spjega li l-awtoritajiet għas-saħħa jemmnu li l-booster jista’ jsalvalna x-Xitwa, u għalhekk, min-nhar it-Tnejn, 17 ta’ Jannar 2022 ukoll, f’Malta se jkun obbligatorju li persuna tippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin validu biex tidħol fir-ristoranti, bars, każini, snack bars, gyms, swali taċ-ċinema, teatri, casinos u swali tal-bingo, avvenimenti sportivi, pools, spas u saunas u avvenimenti organizzati.
Madanakollu se ssir eżenzjoni għat-tfal ta’ taħt it-12-il sena li jistgħu jattendu dawn il-postijiet mingħajr il-bżonn li juru ċ-ċertifikat tal-vaċċin, kemm-il darba jkunu akkumpanjati minn adulti vaċċinati.
Sakemm jidħlu fis-seħħ dawn il-protokolli, min-nhar it-Tnejn 27 ta’ Diċembru, se jkunu projbiti attivitajiet organizzati bilwieqfa, bl-eċċezzjoni ta’ tiġijiet u funerali. Dan filwaqt li l-istabbilimenti se jkollhom jagħlqu fis-siegħa ta’ filgħodu, sakemm il-liċenzja rispettiva ma titlobx li l-istabbiliment jagħlaq qabel. Avvenimenti sportivi jistgħu jissoktaw, madanakollu mingħajr spettaturi.
Id-Deputat Prim Ministru Fearne spjega li sabiex ikunu ssalvagwardjati l-pazjenti fl-isptar Mater Dei, il-ħinijiet tal-viżitaturi se jonqos għal siegħa kuljum. Madanakollu, il-ħinijiet ta’ viżitaturi tad-djar tal-anzjani mhumiex se jinbidlu.