Melita Rikonoxxuta Għal Kontribut Sinifikanti Għas-Sostenibbiltà

 Melita Rikonoxxuta Għal Kontribut Sinifikanti Għas-Sostenibbiltà

Melita Limited hi waħda mir-rebbieħa tal-premju Smart & Sustainability Business Awards. Il-premjijiet, organizzati mill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija, jirrikonoxxu negozji li taw kontribut sinifikanti għall-iżvilupp sostenibbli billi applikaw prattiki sostenibbli fl-operat kollu tagħhom. Il-premju monetarju mogħti lil Melita bħala parti mill-premju se jingħata lill-Fondazzjoni Melita, biex jappoġġja l-proġetti ambjentali li għaddejjin bħalissa.

Randolph Said, iċ-Chief Financial Officer ta’ Melita Limited, qal, “Melita poġġiet is-sostenibbiltà fiċ-ċentru tal-operat tagħha matul dawn l-aħħar snin. Nedejna firxa sħiħa ta’ inizjattivi biex innaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u investejna fi proġetti internazzjonali ta’ enerġija rinnovabbli. Bħala riżultat, Melita se tkun carbon neutral fl-2022, sena qabel milli kien ippjanat. Naturalment, ilkoll kemm aħna, individwi u kumpaniji, neħtieġu li nikkunsidraw kif nistgħu nnaqqsu l-carbon footprint tagħna. Huwa inkoraġġanti, għalhekk, li tara premjijiet bħal dawn jiġu organizzati biex jirrikonoxxu lil dawk li qed jieħdu azzjoni iżda aktar importanti jservu biex jinkoraġġixxu lil ħaddieħor.”

L-inizjattivi li ħadet Melita Limited biex issir carbon neutral jinkludu; installazzjoni ta’ pannelli solari fil-Melita Data Centre, investiment fin-networks mobbli u fissi tal-kumpanija biex jitnaqqas il-konsum tal-elettriku, installazzjoni ta’ sistemi intelliġenti ta’ dawl u tkessiħ madwar is-siti u ħwienet tal-bejgħ u l-bidla għal vetturi elettriċi.

Matthew Pullicino

Insegwi b'mod attiv dak kollu li jkun qed jiġri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Naffaxina ruħi bl-istorja, arti u kultura li għandna f'pajjiżna u dak kollu li huwa Malti. Naħdem ħafna qrib għaqdiet volontarji fil-qasam kulturali u l-esperjenza tiegħi f'dan ix-xogħol nieħu pjaċir naqsamha ma' ħaddieħor.