Bil-Filmat: L-Arrest Ta’ 7 Persuni F’Malta B’Rabta Ma’ Ċirku Kriminali Ta’ Ħasil Ta’ Flus
Il-Europol għada kemm ħarġet filmat tal-operazzjoni Nomad fejn Pulizija Maltija, bl-appoġġ tal-Europol, arrestaw seba’ persuni; Libjani u Maltin, b’rabta ma’ ċirku kbir ta’ ħasil ta’ flus.
B’rabta ma’ dan il-każ is-Sibt filgħaxija tressqu l-Qorti erba’ irġiel Libjani li jgħixu Malta mixlija b’ħasil ta’ flus, b’assoċjazzjoni, reati ta’ evażjoni ta’ taxxa u attività finanzjarja mingħajr liċenzja mill-awtorità kompetenti, fost reati oħra. Huma nżammu arrestati.
Fil-filmat imxandar, il-Pulizija jidhru qed jippreparaw u joħorġu mill-kwartieri fil-Ħamrun. Huma jidhru jidħlu fl-appartament fejn kien hemm il-Libjani. Fil-filmat il-Pulizija jidhru jfittxu mal-appartament kollu u jkellmu lill-persuni involuti, waqt li kienu qed jiġbru evidenzi.
Fil-Qorti ħareġ li mill-2012 ‘il hawn ħarġu minn Malta madwar €20 miljun. Dakinhar li twettaq ir-rejd, il-Pulizija qabdet mas-sebgħin elf ewro fi flus kontanti, ġojjelli, karozzi lussużi u ħwejjeġ u arloġġi tad-ditta. Il-Europol qalet li sabet ukoll apparat elettroniku li jiswa mal-ħames miljun ewro.
Mill-investigazzjoni li saret irriżulta li kienu qed jiġu impurtati karozzi lussużi mill-Ingilterra u li l-akkużati kellhom sistema li jittrasferixxu l-flus mingħajr ma tkun involuta sistema ta’ bank.
Il-Europol qalet ukoll li kienet ilha tassisti lill-Pulizija Maltija sa minn Ġunju tas-sena l-oħra b’esperti tagħha kien mal-Pulizija Maltija waqt ir-rejd.
Ara l-filmat: