Faċilitajiet Ġodda Għall-Inżul Tal-Laneċ F’Bormla Fl-Ewwel Nofs Tal-2022
L-aġenzija Infrastructure Malta se tkun qed tiftaħ faċilitajiet ġodda għall-inżul tal-laneċ f’Bormla matul l-ewwel nofs tal-2022, wara li jitlestew xogħlijiet finali ta’ installazzjoni fix-xhur li ġejjin.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi waqt żjara li saret f’dan is-sit fejn għaddejjin dawn ix-xogħlijiet bħalissa, li se jkun qed jifforma parti minn proġett ta’ €5 miljun parzjalment iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Ian Borg enfasizza l-importanza li jkompli jiskatta l-investiment favur mezzi ta’ trasport alternattiv b’mod speċjali dak tal-baħar.
“Dan il-proġett se jkun qed jintroduċi faċilitajiet aktar sikuri b’aċċessibilità aħjar għall-passiġġieri li jivvjaġġaw bejn Bormla, Tas-Sliema u l-Belt Valletta. Se nkomplu ninvestu fi trasport alternattiv b’mod speċjali dak tal-baħar, għaliex veru nemmnu fil-potenzjal li għandu pajjiżna f’dan ir-rigward anke meta tqis il-pożizzjoni ġeografika tagħna. Nistgħu nsemmu l-fast ferry li hu kunċett li ntlaqa’ tajjeb ħafna u li tajjeb infakkru li sal-ewwel erba’ xhur minn meta beda jopera kien diġà ntuża minn kwart ta’ miljun passiġġier. Għalhekk huma riżultati u kisbiet bħal dawn li jħeġġuna nkomplu naħdmu aktar sabiex il-poplu tassew ikompli jgawdi minn modi alternattivi ta’ trasport tal-ogħla sigurtà u kwalità”, qal il-ministru.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan l-investiment li qed isir permezz ta’ Fondi Ewropej, se jwassal għal ‘modal shift’ fil-qasam tat-trasport sabiex jkollna użu aħjar tal-baħar biex tiġi indirizzata l-problema tat-traffiku. Huwa spjega li l-mollijiet se jkollhom ukoll ‘movable bridges’ għall-passiġġieri sabiex dan is-servizz ikun aċċessibbli għal kulħadd. Huwa kkonkluda billi qal li permezz tal-Pjan ta’ Irkupru u Reżiljenza se nkomplu ninvestu permezz ta’ bini ta’ moll f’San Pawl il-Baħar biex inżidu l-faċilitajiet għall-passiġġieri.
Infrastructure Malta diġà lestiet l-ewwel fażi tal-ferry landing ta’ Bormla aktar kmieni din is-sena. Matul l-aħħar fażi ta’ dan il-proġett, l-aġenzija qed tlesti l-moll il-ġdid li se jkollu żoni ta’ stennija li jkunu protetti, kabini minn fejn jinxtraw il-biljetti, u faċilitajiet oħra biex tiżdied il-kumdità, is-sigurtà u l-aċċessibbiltà tal-passiġġieri.
Bħala parti minn dan il-proġett iffinanzjat mill-UE, Infrastructure Malta qed tlesti wkoll moll għall-inżul tal-laneċ simili fiż-żona tal-ferries ta’ Tas-Sliema.
Ritratti: DOI