Id-Difna Tal-Granmastru Festing Waslet Għall-Iskoperta Ta’ Tebut Ieħor Fil-Kripta
Id-difna tal-Granmastru tal-Ordni ta’ Malta Fra Matthew Festing li saret fil-kripta tal-Kon-Katidral ta’ San Gwann nhar il-Ġimgħa li għadda waslet biex tbiddel l-istorja u tiġi riveduta hekk kif saret skoperta ġdida dwar il-kripta u l-Granmastri midfuna fiha.
Il-Kuratur tal-Kon-Katidral, Cynthia Degiorgio kkonfermat li waqt li kienu qed issiru t-tħejjijiet għad-difna tad-79 Granmastru Fra Matthew Festing ġie skopert qabar ieħor b’tebut taċ-ċomb li xi darba kien miksi bl-injam u li fih kien hemm il-fdalijiet tal-Granmastru Ximenez li kien ndifen fl-1775.
Dan ifisser li l-aħħar difna fil-kripta kienet saret fl-1775 u mhux tal-Granmastru Vasconellos fl-1623.
Il-Kuratur Cynthia Degiorgio qalet li waslu għal din il-konklużjoni wara li saret tfittxija fil-liber du fonctum tal-Ordni u nstab li Ximenez kien miet fid-9 ta’ Novembru fl-1775. Huwa kien miet b’pulmonary infection. Hija qalet li l-prova hija għaliex huwa l-unika Granmastru li miet f’Malta mingħajr monument, fil-liber du fonctum hemm miktub ukoll li huwa kien midfun fil-kripta. Dan iwassal għal konklużjoni li dak li nstab huwa l-qabar tal-Granmastru Ximenez.
Dan il-Granmastru jista jkun li kien tħalla mingħajr lapida għaliex fis-sentejn li kien għamel Granmastru ma kien ħa l-ebda deċiżjonijiet popolari. Dan minħabba li l-Granmastru ta’ qablu Pinto kien ħalla teżor vojt u għalhekk Ximenez kien daħal xi taxxi ġodda.
Jista’ jkun ukoll li f’sentejn ma kellux biżżejjed żmien biex jibni relazzjoni mal-Kavallieri li setgħu kienu leali lejh. Kuntrarju għal dak li kienu jagħmlu granmastri oħra, Ximenez ma ħalliex flus biex jintefqu għall-funeral tiegħu.