“Il-Booster Qed Joffri Protezzjoni Ta’ Madwar 90%” – Il-Professur Neville Calleja
Dalgħodu waqt il-programm TVAM il-Professur Neville Calleja qal li l-booster kontra l-Covid-19 qed joffri protezzjoni ta’ madwar 90% inkluż kontra l-Omicron.
Huwa qal li s’issa m’għandhomx riżultati li jindika li l-Omicron daħal f’Malta għalkemm ftit jiem ilu d-DPM u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li huwa mminenti li dan il-varjant jidħol f’Malta.
Il-Professur Neville Calleja qal li din iż-żieda ta’ każijiet hija riżultat ta’ ħafna attivitajiet soċjali li qed jkunu organizzati bħalissa fejn ħafna nies qed jiltaqgħu ma xulxin.
Qal ukoll li madwar 40% tal-każijiet ma jafux minn fejn ikunu ħadu l-virus. Filwaqt li l-aktar nies li qed ikollhom il-virus huma ta’ bejn 21 sena u 40 sena.
Il-Professur Neville Calleja saħaq li l-booster qed iħalli riżultati tajbin ħafna kif qed jagħmel ukoll il-vaċċin tat-tfal.