Il-Gvern U L-Oppożizzjoni Jaqblu Li R-Rapport Dwar Il-Ministru Justyne Caruana Għandu Jkun Ippublikat
Dalgħodu l-Kumitat Parlamentari dwar l-Istandards iltaqa’ wara li l-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler ippreżenta r-rapport tiegħu dwar il-każ tal-Ministru Justyne Caruana u Daniel Bogdanovic.
Il-Kumitat immexxi mill-Ispeaker Anglu Farrugia flimkien mal-membri mill-Gvern u mill-Oppożizzjoni qablu li fl-interess pubbliku dan r-rapport għandu jkun ippubblikat immedjatament.
Il-membri minn naħa tal-Oppożizzjoni qalu wkoll li mar-rapport għandu wkoll jkun ippublikat dokument relatat mar-rapport li fih fost oħrajn provi li nġabru mill-Kummissarju li waslu għal konklużjoni tar-rapport. Rigward dan il-membri tal-Gvern oġġezzjonaw minħabba li hemm kontenut personali li jirrigwardja familjari.
Iż-żewġ naħat qablu li dawn il-partijiet m’għandhomx għalfejn ikunu ppublikati.
Il-Kumitat kien sospiż biex jinstabu dawk il-partijiet li m’għandhomx ikunu ppubblikati li saret riferenza għalihom.
Finalment intlaħaq qbil dwar dak li ħa jkun ippublikat. Issa dan ir-rapport se jkun qed jibda jiġi diskuss mill-istess Kumitat Parlamentari fil-jiem li ġejjien.