Il-PN Huwa Kontra Li Spazju Pubbliku Jittieħed Biex Jinbena Ċentru Ċiviku F’Marsaxlokk
“Irridu nipproteġu l-ispazji u l-ġonna pubbliċi mhux nibnuhom. Il-Partit Nazzjonalista favur ir-residenti ta’ Marsaxlokk. Jeħtieġ jinstab post ieħor għal Ċentru Ċiviku mhux neqirdu l-ġnien tal-Iskola.”
Dan qaluh il-Kelliem ewlieni tal-PN Peter Agius u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Janice Chetcuti waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha huma fissru l-oppożizzjoni tal-PN għall-proposta sabiex il-ġnien tal-iskola pubblika fil-lokalità jinbena u ma jibqax spazju pubbliku.
Peter Agius qal li bħalissa r-residenti ta’ Marsaxlokk, u speċjalment it-tfal u l-għalliema ta’ din l-iskola, jistgħu jgawdu minn ġnien u spazju pubbliku. Huwa qal li minflok dan l-ispazju miftuħ, permezz ta’ din il-proposta jridu joqtlu 40 siġra, jarmu din il-ħamrija u minflok itellghu tlett sulari ġebel u bricks. Agius sostna li dan ikun żball gravi u tenna li l-PN jrid iżid l-ispazji pubbliċi fil-komunità mhux nibnu l-ftit li għandna diġà.
Min-naħa tagħha Janice Chetcuti qalet li rridu ambjent aktar san għat-tfal tagħna. Hi staqsiet x’eżempju qed intuhom jekk flok nieħdu ħsieb il-ġnien qed neqirdu s-siġar biex intellgħu l-bini? Hi fakkret kif fl-aħħar xhur il-PN ressaq serje ta proposti ambjentali, fil-fatt waħda minnhom hija li nżidu l-ispazji miftuħa.