Il-PN Qed Jitlob Lis-Sindku Tan-Naxxar Tirriżenja “Fid-Dawl Ta’ Kunflitt Ta’ Interess Mhux Dikjarat”

 Il-PN Qed Jitlob Lis-Sindku Tan-Naxxar Tirriżenja “Fid-Dawl Ta’ Kunflitt Ta’ Interess Mhux Dikjarat”

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino wara diskussjoni mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, aktar kmieni wara nofsinhar tkellem mas-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami u talabha tirriżenja fid-dawl ta’ konflitt ta’ interess mhux dikjarat kif żvelat fil-midja llum.

Aktar kmieni llum Maltatoday żvelat li s-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami waqt laqgħa tal-Kunsill ma ddikjaratx li għanda konflitt ta’ interess fil-proġett kontroversjali ta’ 10 sulari li ġie approvat biex jinbena fil-parking tal-eks Trade Fair Grounds fin-Naxxar, bil-vot tal-Kunsill ikun wieħed favur. Dan wara li l-Kunsill Lokali tan-Naxxar dejjem oġġezzjona dwar l-għoli tal-binja.

Maltatoday qalet dan minħabba l-fatt li Anne Marie Muscat Fenech Adami taħdem ma’ kumpanija li l-Perit tal-proġett fin-Naxxar, Edwin Mintoff għandu 14% sehem minnha.

Waqt din l-istess laqgħa tal-Kunsill, fi tmiem id-diskussjoni fit-tul dwar din il-materja ma ttieħed l-ebda vot formali finali fuq kif se jkun qed jivvota l-Kunsill Lokali tan-Naxxar. Dan jixhdu r-recording ta’ din l-istess laqgħa kif ukoll Kunsilliera li kienu preżenti u li tkellmu dwar dan.

F’kummenti dwar dan is-Sindku Muscat Fenech Adami qalet “jien naħdem ma’ din il-kumpanija. M’hiex tiegħi. Kulħadd għandu x-xogħol tiegħu. Huma żewġ xogħolijiet differenti u ma nara l-ebda konflitt ta’ interess.”

Fi stqarrija dwar dan il-PN qal li fin-nuqqas li r-riżenja ma tiġix ppreżentata fi żmien 24 siegħa, dan il-każ se jiġi mressaq quddiem il-Kummissjoni Dixxiplina u Etika tal-Partit sabiex ikun jista’ jinvestiga u jasal għall-konklużjonijiet tiegħu dwar dan il-każ.

Il-PN qal li huwa jesiġi l-ogħla standards mill-uffiċjali u dawk kollha li b’mod jew ieħor jirrappreżentawh.

F’reazzjoni oħra dwar dan l-kandidat indipendenti Arnold Cassola qal li wara l-ħarġa tal-kunflitt ta’ interess il-vot tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-vot tan-Naxxar għandu jiġi ddikjarat invalidu.

Skont Cassola, din mhix l-ewwel darba li kien hemm kunflitti ta’ interess mhux iddikjarati fil-PA.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com