Inawgurat Ċentru Għall-Politika Tal-Immigrazzjoni Għall-Mediterran F’Malta

 Inawgurat Ċentru Għall-Politika Tal-Immigrazzjoni Għall-Mediterran F’Malta

F’Malta ġie inawgurat iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp dwar Politika għall-Immigrazzjoni fil-Mediterran biex joffri taħriġ lill-persuni mdaħħla fl-oqsma tal-immigrazzjoni fil-Mediterran. L-għan tal-istitut tat-taħriġ, iffinanzjat primarjament mill-Kummissjoni Ewropea, huwa li jistabbilixxi ċentru ta’ taħriġ permanenti u akkreditat dwar il-migrazzjoni vokazzjonali għar-reġjun tal-Mediterran, inklużi l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-protezzjoni tal-fruntieri, ir-ritorn ta’ immigranti irregolari, kenn għal dawk li jaħarbu mill-persekuzzjoni u l-iżvilupp tal-proġetti.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u d-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika tal-Immigrazzjoni, l-ICMPD, Dr Michael Spindelegger kienu preżenti għall-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru fil-Furjana. Il-Ministru Bartolo saħaq dwar l-importanza li Malta tospita dan l-istitut minħabba l-pożizzjoni strateġika tagħna bejn il-kontinent Ewropew u dak Afrikan. Qal li l-Ewropa teħtieġ sħubijiet ma’ kontinenti u ma’ organizzazzjonijiet oħra bħall-OSCE, l-Unjoni tal-Mediterran u l-Unjoni Afrikana għax din l-isfida mhix biss kwistjoni ta’ sigurtà iżda wkoll kwistjoni ta’ żvilupp.

Malta ħadmet ħafna biex tistabbilixxi u tappoġġa dan iċ-ċentru flimkien mad-Danimarka, l-Awstrija u l-Unjoni Ewropea permezz tal-Migration Partnership Facility tagħha, bl-involviment tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, l-EASO u l-Frontex. Fondi li jammontaw għal aktar minn €4.3 miljun qed jiġu ddedikati lejn din l-inizjattiva. Il-Libja u l-Ġordan se jkunu l-ewwel pajjiżi msieħba fin-Nofsinhar tal-Mediterran li jkunu involuti fil-proġett u se jipparteċipaw fil-Bord tat-Tmexxija tal-Istitut tat-Taħriġ. Il-proġett għandu l-għan ukoll li jinvolvi sħab Mediterranji oħra fosthom it-Tuneżija, il-Marokk u l-Libanu.

Dan iċ-ċentru ta’ taħriġ huwa wkoll riżultat konkret taċ-chairmanship ta’ Malta tat-tmexxija tal-ICMPD għall-2021. Is-77 laqgħa tal-grupp ta’ tmexxija, u t-tieni waħda taħt il-presidenza din is-sena, se ssir fil-Belt Valletta.

Din is-sena tfakkar ukoll il-ħames anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju Reġjonali tal-ICMPD għall-Mediterran f’Malta, li ħabat ukoll mat-tnedija tal-istitut tat-taħriġ.

Ritratt: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com