Joseph Muscat Jitlef Libell – Jgħid Li Ntużaw Teknikalitajiet Legali Kontrih Biex Iwaqqgħu L-Kawża
Il-Qorti waqqgħet kawża ta’ libell li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat fetaħ kontra l-Avukat Christian Grima wara li la Muscat u lanqas l-avukat tiegħu ma dehru fl-awla dalgħodu.
Muscat kien fetaħ il-kawża wara li fuq Facebook l-Avukat Grima rreaġixxa għal intervista li saret lil Michelle Muscat u allega li kien żewġha, l-eks-Prim Ministru Muscat, li sploda lil Daphne Caruana Galizia. “Ir-raġel tiegħek splodiha, Michelle. Hekk ġralha,” kien kiteb Grima.
Hekk kif dalgħodu l-marixxalli tal-Maġistrat Rachel Montebello sejħu lil Muscat u lill-avukat tiegħu Pawlu Lia ħadd minnhom ma deher.
L-Avukat Carl Grech, li deher għall-Avukat Grima, invoka provvediment legali biex taqa’ l-kawża ladarba ma dehrux.
Il-Maġistrat Montebello pposponiet is-seduta għal ftit tal-ħin u għalkemm reġgħu ssejħu Muscat u l-avukat tiegħu dawn baqgħu ma dehrux.
L-Avukat Grech sostna t-talba tiegħu biex il-każ jiġi miċħud. Il-Maġistrat Montebello laqgħetlu t-talba.
F’reazzjoni b’rabta mal-każ, ftit tal-ħin ilu Joseph Muscat fuq il-mezzi soċjali tiegħu qal li f’dawn l-aħħar xhur huwa dejjem kien rappreżentat għalkemm Dr. Grima qatt ma deher għas-seduti minkejja d-diversi tentattivi sabiex ikun avżat.
“Meta fl-aħħar deher, l-avukat tiegħu uża teknikalita’ li ftit tintuża bejn l-avukati, biex iwaqqa l-kawża. Dan meta jien informat li l-avukat kien jaf minn kawża oħra li l-avukat tiegħi kien se jkun indispost,” tenna Muscat.
“Minħabba li l-avukat tiegħi jinsab indispost, avukat mill-uffiċċju tiegħu kienet barra l-awla fid-9am u anki aktar tard x’ħin kienu qed jinstemgħu kawżi oħra,” sostna Muscat, filwaqt li qal li l-avukat kienet hemm tirrapreżenta lilu sabiex titlob differiment tal-kawża.
“Sfortunatament iżda x’ħin issejjħet il-kawża, kienet impenjata f’każ ieħor,” kompla jispjega Joseph Muscat, filwaqt li qal li “Dr Grima ma tantx kien ħerqan li jagħmel il-każ tiegħu, iżda sab l-ewwel ċans biex jieqaf kollox.”
“Dan kollu ma jnaqqas assolutament xejn mill-fatt li dak li inkiteb jibqa’ assolutament falz u gidba,” temm jgħid l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.