“L-Atteġġjament Arroganti Ta’ Infrastruttura Malta Jrid Jispiċċa’ – Il-PN

 “L-Atteġġjament Arroganti Ta’ Infrastruttura Malta Jrid Jispiċċa’ – Il-PN

Għal darb’oħra, l-Aġenzija Infrastruttura Malta daħlet fuq art agrikola privata, din id-darba f’ Ħal Luqa, b’detriment tal-bdiewa li jaħdmuha u mingħajr il-permessi neċessarji. Dan kollu sar bil-barka tal-Ministru Ian Borg li hu responsabbli mill-istess aġenzija u tal-Ministru Aaron Farrugia li hu responsabbli mill-Awtoritá tal-Ippjanar u mill-qasam ambjentali f’pajjiżna. Dan jikkonferma kemm il-Gvern ma jimpurtahx la mill-bdiewa u lanqas mill-art agrikola, art li sfortunatament diversi bdiewa qed jitilfu anke fil-Qrati tagħna. Hekk intqal fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista ffirmata minn Toni Bezzina, Robert Cutajar u Edwin Vassallo.

“Agħar minn hekk, minflok għandna Gvern li jagħti eżempju, qed jaqbad u jidħol hu fuq art agrikola ta’ terzi mingħajr il-permessi neċessarji, meta għad hemm appell pendenti quddiem it-Tribunal tal-Appell dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u mingħajr ma ħallas il-kumpens dovut għal art li ttieħdet. Dan barra l-fatt illi, ripetutament, l-Aġenzija Infrastruttura Malta instabet ħatja mill-Ombudsman li kisret il-ligi u wettqet ħsara rreparabbli fuq l-ambjent ta’ pajjiżna.”

Għalkemm, bħal ma għamlet dejjem, l-Oppożizzjoni tirrikonoxxi li xogħolijiet infrastrutturali fil-pajjiż huma neċessarji u jridu jsiru, Gvern ġdid Nazzjonalista jwiegħed li fi twettiq ta’ ħidmietu jirrispetta proċeduri stabilitti mil-liġijiet ta’ pajjiżna, ma jkunx galantom bi ħwejjeġ in-nies u ma jgħaddix romblu minn fuq il-bdiewa tagħna u fuq terzi. Hekk temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com