“L-Ombudsman Isib Lit-Tmexxija Ta’ Infrastruttura Malta Mill-Ġdid Tikser Il-Liġijiet Tal-Pajjiż” – Il-PN
“Wara li fl-aħħar xhur l-uffiċċju tal-Ombudsman fuq talba tal-Oppożizzjoni ntalab jinvestiga disa’ proġetti mwettqa minn entitajiet tal-Gvern fuq każi ovvji ta’ abbuż ta’ poter, ksur ta’ liġi u ħsara ambjentali irreparabbli issa ġie kkonfermat mill-istess Ombudsman li l-Oppożizzjoni ingħatat raġun.”
Dan intqal mill-Whip u Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent u Tibdil fil-Klima, Robert Cutajar.
Fi stqarrija huwa qal li l-aħħar każ li kkonkluda l-Ombudsman u li l-Oppożizzjoni ingħatat raġun kien dak fuq xogħol bla permess, bi prattiċi ħżiena u bi ksur ta’ liġi kien dak fi triq f’Ħad Dingli.
Dan ir-rapport ikkonkluda li Infrastruttura Malta bdiet ix-xogħol xhur qabel bla ma’ kellha l-permessi u l-awtorizzazzjoni li tibda. Instab ukoll li Infrastruttura Malta daħlu fuq artijiet privati bla ma’ kienu saru l-espropropjazzjoni meħtieġa
Ir-rapport tal-Ombudsman qal ukoll li l-Awtoritajiet tal-Gvern m’għandhom qatt ikunu ‘l fuq mill-liġi.
Il-każ ta’ Ħad Dingli kien ir-raba’ każ konkluż minn fost il-każijiet li l-Ombudsman intalab jinvestiga mill-Oppożizzjoni. It-tliet każijiet l-oħra li l-Ombudsman ikkonkluda u sab nuqqasijiet serji u ksur ta’ liġi minn entitajiet tal-Gvern kienu dawk fuq xogħlijiet li saru f’Kemmuna, fuq il-Pont tal-Marsa kif ukoll fuq il-Victoria Lines. F’uħud minn dawn il-każijiet l-Ombudsman ikkonferma dak li stqarret l-Oppożizzjoni li saħansitra kienet saret ħsara ambjentali irreparabbli.
Robert Cutajar saħaq li l-Oppożizzjoni qed terġa’ titlob sabiex tintrefa r-responsabiltà politika, “xi ħaġa li sa issa ma’ saritx, minkejja li l-Ombudsman sab lill-Gvern ħati ta’ nuqqasijiet serji.”
Il-Partit Nazzjonalista qal li ġaladarba jingħata l-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi se jkun qed jara li min żbalja iħallas ta’ għemilu fuq dawn il-każijiet, se jagħmel ċert wkoll li dawn in-nuqqasijiet serji minn entitajiet tal-Gvern jieqfu darba għal dejjem.