Melita Se Tkun Carbon Neutral Fl-2022 U Tingħaqad Mar-Race To Zero Tal-UN

 Melita Se Tkun Carbon Neutral Fl-2022 U Tingħaqad Mar-Race To Zero Tal-UN

Melita Ltd ħabbret li mill-2022 se tkun newtrali fil-karbonju, sena qabel il-mira tagħha li kienet ħabbret, dik li tkun newtrali fil-karbonju sal-2023. Melita kkonfermat ukoll li bagħtet ittra ta’ impenn biex tissieħeb fis-Science Based Target Initiative (SBTi) tan-Nazzjonijiet Uniti. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tilħaq l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima billi tnaqqas il-gassijiet b’effett ta’ serra għal livell li huwa previst li jillimita t-tisħin globali għal 1.5 gradi ċentigradi.

Li tkun newtrali fil-karbonju tfisser li l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju mill-operat ta’ kuljum tan-negozju ta’ Melita, li jinkludu emissjonijiet diretti minn vetturi tal-kumpanija, u emissjonijiet indiretti mill-elettriku użati biex jiġu pprovduti s-servizzi, huma bbilanċjati minn attivitajiet tnaqqis tal-karbonju. Melita se tikseb in-newtralità tal-karbonju l-ewwel permezz ta’ firxa ta’ inizjattivi li diġa’ saru u li għandhom emissjonijiet limitati tad-dijossidu tal-karbonju, u t-tieni billi tinvesti fi proġetti ċċertifikati internazzjonalment ta enerġija rinnovabbli. Il-kalkoli u l-progress ta’ Melita ġew ivverifikati b’mod indipendenti minn Schneider Electric, speċjalista globali fl-effiċjenza u s-sostenibbiltà tal-enerġija.

Bħala parti mill-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, Melita investiet b’mod sostanzjali f’inizjattivi fosthom l-installazzjoni ta’ pannelli solari fil-Melita Data Centre kif ukoll investiment li jlaħħaq il-miljuni fin-netwerks mobbli u fissi tal-kumpanija biex jitnaqqas il-konsum tal-elettriku – partikolarment permezz ta’ ottimizzazzjoni dinamika tal-enerġija fin-netwerk Ericsson 5G ta’ Melita mal-pajjiż kollu; dan flimkien mal-installazzjoni ta’ sistemi ta’ dawl u tkessiħ intelliġenti madwar is-siti u l-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut.

Sa minn 2020, Melita bdiet taqleb il-vetturi tal-kumpanija għall-elettriku. Aktar tnaqqis fl-emissjonijiet se jinkiseb billi kważi 40% tal-vetturi tal-kumpanija se jinbidlu għal vetturi elettriċi matul l-2022. Din se tkompli hekk kif il-vetturi ma jibqgħux tajbin għall-użu, b’90% mbassra li jkunu mħaddma bl-elettriku sal-2025. Melita qed tippjana wkoll li tibni solar farms addizzjonali f’Malta biex jiġġeneraw enerġija ekoloġika għall-operat tagħha. Biex tnaqqas l-emissjonijiet tul il-katina tal-provvista tagħha, Melita se tuża fornituri bbażati f’Malta kull meta jkun possibbli u tapplika politika ta’ xiri li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, u tkompli tnaqqas l-emissjonijiet iġġenerati mit-trasport. Melita se tagħti prijorità wkoll lill-fornituri li għandhom miri simili ta’ newtralità tal-karbonju u taħdem ma’ msieħba oħra biex jitnaqqsu l-emissjonijiet.

Harald Roesch, Kap Eżekuttiv ta’ Melita Limited, qal, “Fid-deċiżjonijiet kollha tagħna, inkluż it-titjib tan-netwerk tagħna, aħna nqisu l-impatt fuq l-ambjent, u speċjalment kif nistgħu nnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju. Peress li dejjem se jkollna bżonn l-enerġija elettrika għall-operat tagħna, Melita tappoġġja proġetti internazzjonali ta’ enerġija rinnovabbli biex tpatti għall-kumplament, filwaqt li qed tkompli l-investiment biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju tagħha”.

Matthew Pullicino

Insegwi b'mod attiv dak kollu li jkun qed jiġri, kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Naffaxina ruħi bl-istorja, arti u kultura li għandna f'pajjiżna u dak kollu li huwa Malti. Naħdem ħafna qrib għaqdiet volontarji fil-qasam kulturali u l-esperjenza tiegħi f'dan ix-xogħol nieħu pjaċir naqsamha ma' ħaddieħor.