San Ġwann Jilbes Il-Libsa Tal-Milied
Ilbieraħ filgħaxija, San Ġwann libes il-libsa tal-Milied għas-Sena 2021 f’attività li saret mill-Kunsill Lokali biex b’hekk saret il-mixgħela b’mod uffiċjali.
Din is-sena nxtegħlu 20 triq kif ukoll il-pjazza ta’ San Ġwann. L-Attrazzjoni prinċipali hija s-siġra kbira tal-Milied li fiha madwar 42 pied. Fil-lokal kollu, b’kollox hemm madwar 8 siġriet oħra bid-dawl ikkulurit.
Għal din l-attività kanta l-kor Centre Stage taħt id-direzzjoni tal-kantanta Tiziana Calleja u s-serata tmexxiet mill-preżentatriċi popolari Angie Laus.
Is-Sindku Trevor Fenech semma kif sena wara l-oħra, San Ġwann qed ikabbar il-viżibbilità tiegħu f’dawk li huma attivitajiet kulturali u li dawn qed jiġbdu iżjed nies lejh u anke turisti. Huwa rringrazzja lill-Kunsill kollu tal-ħidma kooperattiva li qed iwettqu flimkien.
Preżenti wkoll il-President taċ-Ċentru Michael Fenech Adami u Clifford Galea Vella, il-President tar-Reġjun Tramuntana li San Ġwann ser jibda jifforma parti minnu minn Jannar li ġej.
Awguri San Ġwann.