Wirja Ta’ Pitturi Ta’ Giorgio Preca Titnieda F’MUŻA

 Wirja Ta’ Pitturi Ta’ Giorgio Preca Titnieda F’MUŻA

F’MUŻA tnediet wirja ta’ pitturi tal-artist Malti Giorgio Preca. Ix-xogħlijiet esebiti kienu nġiebu Malta minn Ruma aktar kmieni din is-sena, wara li ġew mislufa lil Heritage Malta mill-familja tal-artist. Din il-wirja hija xhieda ħajja tal-isforzi ta’ Heritage Malta biex fis-siti u l-mużewijiet tagħha toffri esperjenza ffukata fuq dak li jixtieq il-viżitatur, b’karatteristiċi immersivi u interattivi li jagħtu l-ħajja lill-pitturi esebiti.

Bl-isem ‘Giorgio Preca (1909 – 1984) ta’ Malta: Artist Internazzjonali bi Spirtu Modern’, il-wirja tippreżenta xogħlijiet mill-kollezzjoni tal-familja tal-artist li fl-imgħoddi ġew esebiti internazzjonalment, kif ukoll awtoritratt ta’ Preca li Heritage Malta xtrat fl-2019.

Il-pitturi mill-kollezzjoni tal-familja jinkludu xogħlijiet li kienu ntgħażlu għad-29 edizzjoni tal-Biennale ta’ Venezja fl-1958; xogħlijiet mis-sensiela ‘L-Abitanti tal-Qamar’ li kienu ġew esebiti darbtejn f’Ruma fl-1952 u fil-Commonwealth Institute Art Gallery ta’ Londra fl-1966; u sett ta’ still-lifes u pitturi astratti li kienu ġew esebiti f’Ruma u Londra.

Giorgio Preca kien meqjus minn bosta artisti ta’ wara l-gwerra bħala wieħed mill-aqwa esponenti lokali tal-arti moderna, jekk mhux l-aqwa wieħed fosthom. Huwa qatta’ parti sostanzjali minn ħajtu f’Ruma, fejn ġibed l-attenzjoni ta’ entitajiet internazzjonali. Matul il-karriera tiegħu kien dejjem lest jieħu sogri u jesprimi ruħu bil-lingwa artistika individwali tiegħu, anke jekk il-pubbliku Malti ħafna drabi ma kienx lest għal din l-innovazzjoni.

Meta kien jgħix Malta, bosta artisti lokali kienu jħarsu lejh bħala figura ewlenija li tmexxi ’l quddiem spirtu Modernista ġdid. Il-ġibda tiegħu lejn il-Moderniżmu ssaħħet kemm dam jgħix l-Italja, kif tikkonferma l-lista twila ta’ wirjiet li tella’ waħdu u li ħa sehem fihom ma’ oħrajn. Kien jinvolvi ruħu fix-xena artistika ta’ Ruma kemm bħala barrani residenti f’dik il-belt kif ukoll bħala artist internazzjonali.

F’konferenza tal-aħbarijiet fejn ġiet inawgurata l-wirja—li għaliha attendiet ukoll Aurora Preca, in-neputija tal-artist—Anthony Scicluna, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, semma kif minkejja l-importanza tiegħu fl-istorja tal-arti ta’ pajjiżna, u minkejja r-rispett li kien igawdi fost sħabu l-artisti, dawn ix-xogħlijiet ta’ Preca mhumiex daqstant magħrufa fost il-pubbliku Malti. Kien għalhekk pass għaqli minn Heritage Malta li takkwista b’self dawn ix-xogħlijiet ta’ Preca biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdihom fil-pajjiż fejn Preca twieled u trabba, filwaqt li Malta tagħraf kif jixraq lil wieħed minn uliedha li bl-arti li ħoloq għamel unur lilu nnifsu u lil art twelidu.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera faħħar lil Heritage Malta talli għamlet possibbli din il-wirja b’xogħlijiet ta’ Giorgio Preca, meqjus bħala wieħed mill-pijunieri tal-arti moderna f’Malta. Huwa qal li l-wirja toffri opportunità stupenda biex wieħed jistudja xogħlijiet ġodda kif ukoll l-iżvilupp artistiku ta’ artist importanti li s’issa għadu ma ngħatax l-unur li jixraqlu. Preca kien magħruf bħala bniedem kburi ħafna bil-fatt li kien Malti, tant li baqa’ jżomm il-passaport Malti u fl-Italja hu anke magħruf bħala ‘Giorgio Preca di Malta’, li kienet ir-raġuni wara l-għażla tat-titlu tal-wirja.

Din il-wirja tieħu lill-viżitatur fuq vjaġġ li matulu jsir jaf aħjar kemm lill-artist innifsu kif ukoll lil xogħlijietu. Il-vjaġġ jibda bi prologu, fejn il-viżitatur jifhem il-kuntest u r-relevanza tal-artist u fejn il-qofol hu l-awtoritratt ta’ Preca – pittura intriganti li għalkemm hi astratta mal-ewwel daqqa t’għajn, hija mimlija kurżitajiet. Wara li jara tlieta mix-xogħlijiet li kienu ġew esebiti fil-Biennale ta’ Venezja, il-viżitatur jittieħed fuq vjaġġ awdjo-viżiv uniku—ALIENS@MALTA–ispirat mis-sensiela ‘L-Abitanti tal-Qamar’. Il-viżitatur jista’ wkoll jinteraġixxi mal-pitturi astratti u jissieħeb mal-proċess kreattiv. Fl-aħħar u mhux l-inqas, wieħed jista’ jpoġġi bilqiegħda fi studio ħdejn l-istill lifes tal-artist kif ukoll l-oġġetti oriġinali li ispiraw lil Preca u lil xogħlijietu. Il-wirja mhix limitata biss għall-Camerone ta’ MUŻA iżda hi mifruxa wkoll fi swali oħra biex b’hekk jinħoloq djalogu bejn ix-xogħol ta’ Preca u l-kollezzjoni nazzjonali.

Il-wirja tibqa’ għaddejja sas-27 ta’ Frar 2022. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-Tnejn sal-Ħadd bejn l-10:00 u l-16:30. Din il-wirja tinkludi esperjenza immersiva bl-użu tad-dwal.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com