20 Għaqda Volontarja Ngħataw Bejniethom €129,000 Permezz Tal-Animal Welfare Fund

 20 Għaqda Volontarja Ngħataw Bejniethom €129,000 Permezz Tal-Animal Welfare Fund

Permezz tal-Animal Welfare Fund, 20 għaqda volontarja ngħataw bejniethom is-somma ta’ €129,000 bil-għan li jkompli jitjieb il-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna.

Il-benefiċjarji jinkludu santwarji tal-annimali, għaqdiet li jippromwovu l-għarfien dwar ir-responsabbiltà ta’ min irabbi l-annimali u gruppi li jipprovdu servizzi ta’ appoġġ lill-annimali.

Il-Ministru Anton Refalo spjega li l-għan tal-Animal Welfare Fund huwa li, “Jappoġġa lil dawn l-organizzazzjonijiet biex iwettqu proġetti ta’ ħarsien tal-annimali li għandhom il-potenzjal li jtejbu l-benesseri tal-annimali u jipprovdu pjattaforma minn fejn jiżviluppaw u jrawmu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn dawn l-organizzazzjonijiet u d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali”.

Spjega li, “Il-benefiċjarji li għandna ta’ dan il-fond ivarjaw minn salvataġġ ta’ żwiemel u salvataġġ ta’ annimali tar-razzett, santwarji tal-qtates u tal-klieb kif ukoll VOs li jiddedikaw lilhom infushom għall-edukazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ ħarsien tal-annimali kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex”.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat li din l-iskema kienet ukoll parti mill-manifest elettorali, fejn il-Gvern kien ikkommetta ruħu li tiżdied l-għajnuna finanzjarja permezz tal-Animal Welfare Fund lis-santwarji tal-annimali biex ikunu jistgħu jinvestu f’infrastruttura u fi proġetti ta’ natura kapitali bl-iskop li jtejbu l-faċilitajiet tas-santwarji.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-organizzazzjonijiet volontarji huma l-pedament tas-soċjetà Maltija u l-Gvern se jkompli jsostnihom kull fejn meħtieġ. Spjegat li proprju grazzi għas-sostenn tal-Gvern matul il-pandemija, l-ebda għaqda volontarja ma keċċiet l-impjegati tagħha u b’hekk ġew salvati mal-5,500 impjieg. ​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com