Aġġornat: Il-Pulizija Tinvestiga U Se Tkun Qed Tressaq Nies Il-Qorti Dwar Il-Każ Ta’ Bullying Fuq Tifla
Dwar il-każ ta’ bullying li tiegħu deher filmat, il-Pulizija kkonfermat li se tkun qed toħroġ akkużi.
Il-Pulizija ma qalitx lil minn se tkun qed tħarrek biex jidher il-Qorti, għalkemm nifhmu li l-ġenituri tat-tfal huma responsabbli legalment tagħhom.
Intqal li l-uffiċjali tal-Pulizija tal-Komunità flimkien mal-Pulizija tad-Distrett qegħdin jaħdmu flimkien mal-iskola inkwistjoni sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.
Intant il-Ministru Clifton Grima permezz tal-mezzi soċjali qal li qatt ma kien wieħed li jinħeba wara subgħajh, u qal li dak il-filmat li qed jiċċirkola huwa inaċċettabbli. “Inaċċetabbli għaliex l-aġir imur kontra il-prinċipji kollha li nemmnu fihom,” tenna l-Ministru tal-Edukazzjoni.
Huwa kkundanna kull forma ta’ vjolenza jew bullying u saħaq li qed tittieħed kull azzjoni neċessarja fir-rigward tal-vittma kif ukoll tal-aggressuri.
Il-Ministru Clifton Grima qal li l-Kulleġġ informa lill-ġenituri tal-istudenti nvoluti u ttieħdu miżuri ta’ dixxiplina. “Il-kwistjoni ġiet anke riferuta liċ-Child Protection Services, kif ukoll ittieħdet azzjoni minn naħa tal-College Psychosocial Team, kemm għal vittmi, kif ukoll mal-aggressuri,” temm jgħid il-Ministru Grima.
Ara wkoll:
Bil-Filmat: Bosta Mħassba Dwar Filmat Xokkanti Li Juri Attakk Ta’ Bullying Fuq Tifla