Aġġornat: Pollakka Ta’ 29 Sena Tinstab Mejta Fi Ġnien F’Tas-Sliema – Raġel Malti F’Idejn Il-Pulizija B’Rabta Mal-Każ
Tfajla Pollakka ta’ 29 sena nstabet mejta dalgħodu fi Ġnien l-Indipendenza, Tas-Sliema.
Il-Pulizija bdiet tinvestiga dan il-każ wara rapport li daħal għandhom għal ħabta tas-6:20am minn persuna li kienet mixja fil-viċin.
Il-Pulizija kkonfermat li l-mara nstabet mal-art wiċċa ‘l fuq taħt iċ-ċint fid-dawra tal-ġnien fi Triq it-Torri.
Għalkemm il-Pulizija ma tawx dettalji, minn rapporti jidher li l-vittma instabet kważi bla ħwejjeġ, b’diversi ġrieħi f’rasha u f’għadira demm.
Fuq il-post issejħet ambulanza b’tim mediku mill-isptar Mater Dei madankollu l-mara ġiet ċċertifikata mejta ftit wara. Il-katavru ttieħed fil-kamra mortwarja fejn se jkunu qed isiru aktar investigazzjonijiet.
Il-kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani qal li fuq il-persuna nstabu dokumenti ta’ identifikazzjoni. Qal ukoll li b’rabta ma’ dan il-każ ġie arrestat raġel Malti li qed ikun identifikat bħala l-allegat aggressur. Huwa jinsab miżmum fid-Depot tal-Pulizija fejn qed jkun interrogat.
Dan x’aktarx huwa l-ewwel delitt tas-sena 2022.
B’rabta mal-każ inħatret inkjesta mill-Maġistrat.
Aktar kmieni:
Ritratti: TVM