Bil-Filmat: “Diskors Li Jiżra Ż-Żerriegħa Tal-Mibegħda M’Hawnx Postu F’Pajjiżna” – Il-Ministru Owen Bonnici

 Bil-Filmat: “Diskors Li Jiżra Ż-Żerriegħa Tal-Mibegħda M’Hawnx Postu F’Pajjiżna” – Il-Ministru Owen Bonnici

“Hemm linja li ma tista’ qatt tinqabeż,” hekk qal il-Ministru Owen Bonnici meta kien mistoqsi fuq il-programm televiżiv ‘Pjazza’ dwar dak li kiteb il-qassis David Muscat. Fr David Muscat li spiss jikkritika persuni LGBTIQ qal f’kumment fuq il-mezzi soċjali li jekk b’xi mod l-aggressur ta’ Paulina Dembska kien omosesswali jew bisesswali, dan ikun ‘kundizzjoni’ agħar milli kieku huwa ppossedut mix-xitan.

Din il-kitba ġabet magħha diversi reazzjonijiet kontra Fr David Muscat minn bosta nies, politiċi u għaqdiet li kkundanaw dan l-aġir.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li “diskors li jiżra ż-żerriegħa tal-mibegħda jew sentimenti koroh fil-konfront tal-komunità’ LGBTIQ m’hawnx loku f’pajjiżna.”

Huwa temm jgħid li dak li ntqal minn persuna li suppost taf aħjar huwa “kompletament inaċċettabbli u kundannabbli.”

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli ukoll tkellmet kontra dan il-kumment oxxen, fejn talbet u kitbet lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga u jieħu azzjoni fuq dan il-kumment li sar minn Fr David Muscat.

“Hemm liġijiet ċari f’pajjiżna. U ma naċċetta qatt li  persuna tiġi mgħajjra minħabba s-sesswalità tagħha,” tenniet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Il-Malta Gay Rights Movement ukoll kitbet lill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafa sabiex jinvestiga dan il-każ u każijiet oħra fejn Fr David Muscat mhux l-ewwel darba li tkellem b’dan il-mod kontra l-persuni LGBTIQ.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com