Fil-Jum Internazzjonali Tal-Edukazzjoni L-Ministru Grima Żar Studenti Li Qed Jagħmlu Użu Mill-Proġett EduAI

 Fil-Jum Internazzjonali Tal-Edukazzjoni L-Ministru Grima Żar Studenti Li Qed Jagħmlu Użu Mill-Proġett EduAI

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima għamel żjara fl-Iskola Primarja Ġużè Pace fil-Ħamrun, sabiex isegwi mill-qrib l-andament tal-proġett EduAI.

L-għan ewlieni tal-proġett EduAI huwa li joħloq u jxerred l-intelliġenza artifiċjali permezz ta’ proġetti edukattivi fost it-tfal ta’ bejn 8 u 10 snin.

“L-edukazzjoni diġitali u l-użu tal-inteliġenza artifiċjali fl-edukazzjoni hija importanti għaliex hija parti mill-edukazzjoni sħiħa li rridu nippromwovu fl-iskejjel u l-entitajiet edukattivi tagħna,” qal il-Ministru Grima.

Huwa spjega kif  dan il-proġett qed iwassal għal għarfien aħjar tas-sehem tal-IA fl-edukazzjoni. Fil-proġett it-tagħlim tal-ħiliet bażiċi u l-litteriżmu jitlaqqgħu mal-ħiliet innovattivi li jintużaw fl-IA u fit-tagħlim tal-magni (Machine Learning). Fil-programm ‘Gost il-Qari/The Pleasure of Reading’ tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, l-edukaturi u t-tfal qed jużaw pupazzi mgħammra bl-IA biex jagħtu l-ħajja lil stejjer li jkunu qraw flimkien mal-għalliema fil-klassi. Permezz tat-tagħlim li jieħdu l-magni, u l-apps li jaqraw it-testi u jirrikonoxxu t-taħdit, il-parteċipanti tal-proġett qegħdin jieħdu sehem f’attivitajiet u logħob bil-lingwa u tal-litteriżmu.

It-tema li għażlet il-Ġnus Magħquda din is-sena, 2022, għall-Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni hija ‘Nibdlu r-Rotta, Nittrasformaw l-Edukazzjoni’. Intgħażlet din it-tema biex tissaħħaħ u tieħu spinta l-edukazzjoni wara l-isfidi li għadda minnhom dan is-settur minn mindu faqqgħet il-pandemija li wasslu biex l-attivitajiet kollha, inkluż dawk edukattivi, jieħdu xeħta oħra.

Il-Ministru Grima rrefera għall-proġett EduAI bħala eżempju tajjeb ta’ kif l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija nbidlu f’opportunità. Dan għaliex iż-żmien tal-pandemija ntuża biex grupp ta’ edukaturi tħarrġu kif jinqdew bl-IA biex jissaħħaħ il-litteriżmu u t-tagħlim tal-ħiliet bażiċi jkun aktar relevanti u effettiv.

‘Gost il-Qari/The Pleasure of Reading’ huwa programm ta’ qari għall-gost tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru. L-għan tiegħu huwa li jkattar in-namra għall-kotba u l-qari li jagħti gost. Jieħdu sehem fih tfal ta’ bejn seba’ snin u ħdax-il sena li jkunu fl-aħħar erba’ snin tal-primarja. Fis-sessjonijiet jinqraw stejjer b’mod interattiv u divertenti li jħajjar lit-tfal jimmaġinaw u jxettel il-ħiliet kritiċi tagħhom. Fl-2021 ħadu sehem f’dan il-programm mal-2,500 tifel u tifla.

Iċ-Chairman tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu l-Professur Charles Mifsud qal li sa issa fil-proġett EduAI pparteċipaw 36 student u 15-il edukatur, u saru wkoll 10 sessjonijiet ta’ taħriġ. Dan il-proġett qed isir bi sħab bejn iċ-Ċentru tal-Litteriżmu tal-Università ta’ Malta u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, u huwa ffinanzjat mill-Awtorità Maltija tal-Innovazzjoni Diġitali.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com