“Fl-Edukazzjoni Ukoll Nistgħu Inkunu L-Bidla” – Julie Zahra
L-edukazzjoni hi l-pedament ta’ soċjetà b’saħħitha. U hu propju għalhekk li dan is-settur jeħtieġ investiment kontinwu u sostnut mill-iStat. Dan għaliex l-edukazzjoni tifforma l-futur ta’ pajjiżna, fejn eluf ta’ studenti jiġu ffurmati sabiex ikunu kapaċi jaffrontaw l-isfidi li nsibu quddiemna ta’ kuljum. Filwaqt li jiskopru opportunitajiet ġodda għalihom u għal ta’ madwarhom. Dan hu fejn Malta falliet!
In-nuqqas ta’ strateġija adekwata fil-pandemija ħalliet effetti negattivi emozzjonali, soċjali, akkademiċi u anki psikoloġiċi fuq eluf minna, kemm bħala edukaturi kif ukoll bħala studenti. Filwaqt li l-edukaturi jippruvaw ta’ kull darba jaddattaw ruħhom ta’ malajr għal sistemi ġodda, sakemm ma jkunux kwarantina u jridu jlaħħqu mal-familja u max-xogħol fl-istess ħin, l-istudenti sofrew minn ansjetà, eżawriment u dipressjoni. U kif wera ċar, studju tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà tal-Università ta’ Malta kien hemm relazzjoni sinnifikanti bejn dan u ż-żieda fl-abbuż minn sustanzi lleċiti jew xorb.
Is-settur edukattiv ukoll ħa daqqa ta’ ħarta meta l-Gvern spiċċa bidel tliet Ministri f’temp ta’ ftit xhur, bl-aħħar waħda mġiegħla tirriżeja wara li kkawżat ħsara rreparabbli lil settur li diġà qiegħed għarkupptejh. Dan wara li Justyne Caruana b’abbuż sfaċċat tat kuntratt ta’ €15,000 lil ħabib intimu tagħha, bir-riżultat li issa anki s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni kellu jirriżenja ukoll. Dan il-kuntratt ingħata waqt li l-eks Ministru dawret rasha lejn il-problemi fis-settur bħal ma huma n-nuqqas ta’ għalliema u r-rata allarmanti ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-iskola, b’dan tal-aħħar ipoġġi lil pajjiżna taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea. Fi ftit kliem, tul dawn l-aħħar snin, is-settur edukattiv tħalla fl-għama u minflok ma nbniet skola ġdida kull sena, spiċċajna nibdlu Ministru kull sena!
Is-settur edukattiv jeħtieġ li jiġi ndirizzat b’urġenza kbira. Jeħtieġ bidla fil-mentalità ta’ kif isiru l-affarijiet u dan obbligati nagħmluh għall-interess ta’ uliedna. Nemmen li mill-aktar fis possibbli, għandha ssir konsultazzjoni nazzjonali mal-istakeholders kollha, mmirata sabiex jinħolqu strateġija u politika ndirizzata sabiex nerġgħu ngħollu lil dan is-settur il-fuq u nindirizzaw il-problemi li qiegħed iħabbat wiċċu magħhom ta’ kuljum. Għalhekk irridu niffurmaw mill-ġdid sistema edukattiva li mhux biss tinforma iżda wkoll tifforma lill-istudenti tagħna. Jeħtieġ ukoll li l-kurrikulu tal-iskejjel ikun bbażati aktar fuq proġetti ta’ riċerka u mhux sempliċiment biss fuq sistema ta’ punti permezz tal-eżamijiet. Dan jgħin sabiex jifforma l-abbiltajiet tal-istudenti tagħna filwaqt li jsaħħaħ il-proċess tal-ħsieb – għodda ndispensabbli għal meta jikbru u jsibu ruħhom fid-dinja tax-xogħol.
Nafu li n-nuqqas ta’ nvestiment fl-iskejjel tagħna tul dawn l-aħħar snin wassal għal problemi infrastrutturali kbar. Jeħtieġ għalhekk li l-binjiet edukattivi jiġu adattati għar-realtajiet ta’ llum permezz ta’ aktar spazji miftuħa, ambjent li jgħin b’mod pożittiv is-saħħa mentali u s-serenità tal-istudenti, l-għalliema u l-ħaddiema u klassijiet attrezzati aħjar fosthom bl-arja kkundizzjonata. Fuq kollox, l-edukaturi jeħtieġ li verament jingħataw ir-rispett u d-dinjità li jistħoqqilhom għall-professjoni tagħhom. U hi propju għalhekk il-wegħda ċara tal-Partit Nazzjonalista li jtejjeb b’mod radikali s-salarji tal-edukaturi, b’żieda fis-salarju iżda wkoll rata ta’ progressjoni fil-karriera tagħhom aktar mgħaġġla. Minbarra dan, għaliex nirrikonoxxu l-bżonn urġenti li aktar żgħażagħ jitħajru jistudjaw sabiex isiru edukaturi, il-wegħda tagħna li dawn l-istudenti Universitarji ikollhom stipendju għola, sabiex b’hekk aktar persuni jiġu attirati li jagħmlu karriera professjonali f’dan is-settur.
L-edukazzjoni hi l-qafas tas-soċjetà mibnija fuq l-ekonomija, l-kultura u l-aspett soċjali. L-għan aħħari tagħha hi li filwaqt li tifforma b’mod akkademiku, tiżviluppa lil persuni b’mod sħiħ għall-ġid individwali u kollettiv tal-individwu. U hu propju għalhekk, li jien irrid nibqa’ nkun il-vuċi ta’ eluf ta’ studenti, ġenituri u edukaturi, għaliex irrid nara bidla fis-settur edukattiv sabiex minnha nirbħu lkoll. Dan il-bżonn issa sar urġenti aktar minn qatt qabel. Hawn ukoll nistgħu inkunu l-bidla. Bidla b’viżjoni għal Pajjiżna.