Jiżdied Is-Sussidju Fuq Xogħlijiet Relatati Ma’ Strutturi Perikolużi Fi Proprjetà Privata

 Jiżdied Is-Sussidju Fuq Xogħlijiet Relatati Ma’ Strutturi Perikolużi Fi Proprjetà Privata

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay, ħabbar it-titjib tal-iskema ta’ Sussidju għal Strutturi Perikolużi għal individwi u familji li jgħixu f’residenzi privati li huma mikrija skont il-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995 u li jkollhom bżonn urġenti ta’ manutenzjoni straordinarja.

Dan it-tisħiħ tal-iskema ‘SSP’, li ilha attiva mis-sena 2013, se tindirizza t-tħassib li jaf ikollhom kemm is-sidien kif ukoll l-inkwilini ta’ proprjetajiet fil-kera antika, li sa issa ma kinux eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat f’dawn iċ-ċirkostanzi minħabba li d-dħul u l-assi tagħhom kienu jaqbżu l-massimu permess skont it-termini u l-kundizzjonijiet tal-iskema, jew li kellhom ħsarat li jeċċedu l-għotja massima, li kienet ta’ €10,000.

Wara konsultazzjoni entensiva mal-atturi prinċipali f’dan is-suq ta’ kirjiet ikkontrollati, li kien essenzjali biex titfassal ir-riforma tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 li daħlet fis-seħħ f’Ġunju tal-2021, il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali ddeċieda li għandu jestendi l-applikabbiltà ta’ din l-iskema għal persuni li għandhom assi li jammontaw għal mhux aktar minn €60,000, hekk kif sal-lum dan is-sussidju kien miftuħ biss għal min ikollu assi kapitali li l-valur tagħhom kien ta’ €25,000 jew inqas. Dan filwaqt li l-għotja massima li tingħata għal benefiċjarji ta’ din l-inizjattiva żdied għal €25,000.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes sostna li, “mhuwiex aċċettabbli għal ħadd li jgħix f’dar fejn hemm struttura perikoluża. Hi x’inhi l-qagħda finanzjarja, hu x’inhu t-titlu li għandek fil-proprjetà. Dan imiss direttament mad-diċenza u l-kwalità tal-ħajja tal-persuna.” Il-Ministru kompla billi ddikjara li, “dan is-sussidju msaħħaħ għalhekk qiegħed jaċċerta li ħadd ma jgħix imbeżża’ f’daru.”

Il-baġit totali li ġie allokat għal din l-iskema tela’ għal kwart ta’ miljun ewro kif imħabbar fid-diskors tal-baġit tal-11 ta’ Ottubru li għadda.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar is-Sur Leonid McKay stqarr li ma kienx jagħmel sens li kieku r-riforma li daħlet f’Ġunju tat kirja ġusta lis-sidien u fl-istess ħin ħaditha lura min-naħa l-oħra billi talbet lis-sidien jagħmlu x-xogħlijiet strutturali fid-djar tal-inkwilin. Huwa qal dan waqt li spjega l-ħidma li qed twettaq l-Awtorità tad-Djar fis-settur tal-kirjiet protetti u tenna li llum qed nimxu pass ieħor f’din ir-riforma. “Tkellimna aktar fuq kemm għandha tkun il-kirja, l-inġustizzja tal-wirt, il-proċess tal-Qorti u dwar kemm għandha tkun il-kirja ġusta, però ftit tkellimna dwar il-periklu li kienu qed jgħixu fih l-inkwilini minħabba strutturi perikolużi u x’għandu jsir biex nevitaw dan”, qal is-Sur McKay.​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com