Għat-Tieni Seduta Mizzi Jwieġeb Biss; “Nistennew Ir-Ruling Tal-Ispeaker”
Id-Deputat Indipendenti Konrad Mizzi, għat-tieni darba din il-ġimgħa deher quddiem il-Kumitat Parlamentari Tal-Kontijiet Pubbliċi biex iwieġeb mistoqsijiet b’rabta mar-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq il-kuntratt tal-power station tal-gass li l-Enemalta tat lill-Electrogas.
Għat-tieni seduta, għal kull mistoqsija li staqsew il-membri tal-Oppożizzjoni huwa wieġeb biss: “Nistennew ir-ruling tal-Ispeaker.”
Il-ġimgħa d-dieħla mistennija li ssir seduta oħra biex jitkomplew isiru l-mistoqsijiet lil Konrad Mizzi.
Intant iktar tard il-lejla l-Ispeaker Anglu Farrugia f’ruling li ta qal li s-Sedja tistenna li kull membru tal-Kumitat Parlamentari Tal-Kontijiet Pubbliċi għandu juża kawtela fil-mistoqsijiet li jagħmel u li josserva l-ordnijiet permanenti, ir-regolamenti u l-linja gwida tal-kamra tad-Deputati. Huwa qal ukoll li s-Sedja ma tindaħalx fit-tmexxija ta’ dan il-Kumitat, però qal li kull insult lil membru parlamentari jikkostitwixxi reat fil-konfront tal-ordinanza dwar il-Parlament. L-Ispeaker appella biex kull deputat jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu b’mod oġġettiv.