Għin Ruħek Biex Alla Jgħinek!
Għalaqna is-sena 2021 u kif jgħid il-Malti infetħu bibien is-sema! Hekk kif l-aħħar statistiċi juru mal-10,000 każ attiv fil-pajjiż ta’ persuni pożittivi bil-COVID19.
Fl-aħħar żewġ artikli tkellimt dwar l-eżerċizzju fiżiku, anzi ma nistax nisħaq biżżejjed kemm huwa importanti li tkun attiv, sewwa jekk intix membru attiv ġewwa gym sew jew tħobbx dik id-daqxejn mixja fil-kampanja.
Hawn ma jistax wieħed jesprimi disappunt, nazzarda ngħid sajjetta f’nofs bnazzi, l-ogħla istituzzjonijiet tas-saħħa ssorprendewna b’miżuri li laqtu fil-laħam il-ħaj lill-poplu inġenerali – maskli fil-beraħ u restrizzjonijiet tad-dħul f’gyms u pools. U x-Xjenza? Ehh dik ix-xjenza kemm għadna bżonn nixtarruha sew!
Ħalli naraw ftit ix-xjentisti xi jgħidu fejn tidhol l-prevenzjoni tas-sintomi ħfief tal-Covid li normalment nassoċjaw mar-Riħ jew Influwenza (konġestjoni fl-imnieħer, griżmejn irritati). B’mod partikolari pariri fejn jidħlu supplimenti nutrizzjonali, li tajjeb nżidu jekk miżgħuda ma’ dieta bilanċjata bi frott u ħaxix staġjonali jtejbu is-saħħa tagħna.
Vitamina C
Studju ppublikat minn H C Gorton u K Jarvis, Ottubru 1999 ikkonkluda li l-Vitamina C amministrata f’dożi ta’ 1000 gramma fl-ewwel 6 sigħat ta’ sintomi ta’ riħ jew influwenza u għal 3 darbiet kuljum fil-jiem ta’ wara jnaqqas l-effetti b’85%.
Żingu u Selenju
Il-Gurnal Journal of Evidence-Based Complementary & Alternative Medicine f’ħarġa ippubblikata fl-2017 jelenka dawn il-benefiċċji;
Żingu u Selenju : Jgħinu fiż-żieda ta’ Antibodies fil-ġisem u biex jipprevjenu l-Influwenza.
Vitamina D
Il-Gurnal The American Journal of Clinical Nutrition f’ħarġa tal-2010 jgħid li l-Vitamina D3 meħuda fix-xitwa tista’ tnaqqas l-influwenza A speċjalment fit-tfal ta’ età skolastika f’dożi ta’ bejn 200 u 2000 IU kuljum għal-sena.
Fi studju reċenti dwar interventi permezz ta’ supplimenti “Early Nutritional Interventions with Zinc, Selenium and Vitamin D for Raising Anti-Viral Resistance Against Progressive COVID-19” jikkonkludi li tteħid ta’ dawn is-supplimenti huwa għodda essenzjali hekk kif ifeġġu l-ewwel sintomi.
Jean Claude huwa għalliem tal-edukazzjoni fiżika fil-primarja, għal xi snin ikkowċja bosta programmi sportivi mal-Istat u anke privat. Huwa żeffien tal-Ballroom u ilu għal dan l-aħħar 13 il-sena b’din il-passjoni għal dan l-isport.