Ground Mitluq Fil-Qrendi Jinbidel F’Faċilità Għal Tfal Fuq L-Ispettru Tal-Awtiżmu

 Ground Mitluq Fil-Qrendi Jinbidel F’Faċilità Għal Tfal Fuq L-Ispettru Tal-Awtiżmu

Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-gvern, il-privat u anke organizzazzjoni volontarja, ġiet inawgurata faċilità fil-Qrendi li jistgħu jagħmlu użu minnha b’xejn tfal li jinsabu fuq l-ispettru tal-awtiżmu.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli spjegat kif dak li xi darba kien ground mitluq issa nbidel fi proġett li permezz tiegħu se jkun qed isir ħafna ġid. Stqarret li dan hu eżempju ħaj ta’ kemm kienet siewja l-kollaborazzjoni li teżisti bejn il-gvern, l-organizzazzjonijiet volontarji permezz tal-Assoċjazzjoni ta’ Tfal bil-Kundizzjoni tal-Awtiżmu, u l-privat min-naħa ta’ The Club Fitness Centre.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li, permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, tfal li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu se jkunu jistgħu jattendu sessjonijiet ta’ taħriġ bla ħlas kull ġimgħa u jagħmlu użu minn apparat sensorjali għall-bżonnijiet tagħhom. Qalet ukoll li dan il-proġett se jkun qed jiftaħ orizzonti ġodda għal titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ dawn it-tfal, billi joffrilhom lok rikreattiv permezz ta’ sessjonijiet ta’ kull ġimgħa.

Dan il-proġett se jkun ukoll ta’ benefiċċju għall-komunità tal-Qrendi u tal-madwar. Darba fil-ġimgħa, ir-residenti tal-Qrendi u tal-irħula tal-madwar se jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu użu bla ħlas mill-faċilità.

Dan hu eżempju prattiku ta’ kif għandu jitħaddem il-prinċipju tal-inklużjoni, fejn qed isir dak kollu possibbli biex persuni ffaċċjati b’diffikultajiet, bħalma hu l-awtiżmu, xorta waħda jħossuhom parti mis-soċjetà, u li huma bħal u daqs kull membru ieħor fiha. B’mod tanġibbli, dan il-proġett juri dak li titkellem dwaru l-Istrateġija Nazzjonali għall-Persuni bl-Awtiżmu u, minn dokument fuq il-karta, jieħu l-ħajja u jiġi implimentat.

Dan il-proġett hu mibni fuq tliet pilastri: dak sportiv, dak tal-inklużjoni u l-pilastru tal-komunità. Permezz ta’ dan il-proġett tjiebet faċilità sportiva fil-komunità, partikolarment dak magħruf bħala Obstacle Course Racing. Dan fih innifsu ħoloq ambjent li joffri sigurtà lil tfal li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu, filwaqt li jgħin ukoll biex isaħħaħ il-komunità tal-Qrendi u l-postijiet tal-madwar billi tingħata promozzjoni lil sessjonijiet ta’ taħriġ fiżiku lil persuni li jkunu qegħdin jikbru fl-età.

F’dan kollu kienu strumentali s-sid ta’ The Club Fitness Centre s-Sur Julian Briffa u l-Autism Parents Association, li għenu biex dan il-proġett sar realtà. Min-naħa tiegħu, is-Sur Briffa ddeskriva dan il-proġett bħala ħolma li saret realtà u li minnha se jkunu qegħdin igawdu ħafna familji, mhux biss fiżikament minħabba l-eżerċizzju iżda anke mentalment.

Il-President tal-Autism Parents Association is-Sur Omar Farrugia qal li jħossuhom kburin li huma parti minn din l-inizjattiva, li definittivament se tkun qiegħda tagħti opportunità oħra lil individwi li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Sostna wkoll li din se tkun triq oħra li permezz tagħha dawn il-persuni jistgħu jesprimu l-abbiltajiet differenti tagħhom, fl-istess waqt li jitħarrġu kemm fiżikament u anke mentalment.

Ritratt – DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com