Il-Ġimgħa D-Dieħla Mistenni Jitħabbar Pjan Ta’ Kif Malta Se Tkun Qed Tirritorna Lura Għall-Ħajja Normali
L-awtorità tas-Saħħa bħalissa qed taħdem sabiex tlesti pjan ta’ kif se jkunu qed jitneħħew il-miżuri li fadal fis-seħħ b’rabta mal-pandemija.
Dan qalu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt intervent li għamel dalgħodu fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, ONE Radio.
Huwa qal li l-ġimgħa d-dieħla l-Gvern mistenni jħabbar il-pjan ta’ kif pajjiżna se jkun qed jirritorna lura ftit ftit għall-ħajja normali.
“Il-pjan se jkun speċifiku, b’dati meta l-miżuri se jkunu qed jitneħħew. Huwa mportanti li miżuri ġodda jitħabbru fil-ħin, imma wkoll importanti li jitneħħew fil-ħin. Ninsabu f’pożizzjoni li bl-informazzjoni li għadna miġbura nistgħu nibdew naħdmu fuq dan il-pjan ta’ rilaxx,” qal il-Ministru Fearne.
Huwa ma qalx x’miżuri mistennija jitneħħew l-ewwel, però qal li r-rata ta’ tilqim f’pajjiżna mixja b’ritmu tajjeb ħafna, fejn s’issa madwar 75% tal-popolazzjoni adulta ħadu l-booster tal-vaċċin kontra l-Covid.
Il-Ministru Chris Fearne qal ukoll li s-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei għal xhur sħaħ baqgħet taħt kontroll sħiħ.
Jidher li xi miżuri se jkunu qed jibdew jitneħħew minn Frar.