Il-Letturi Tal-Junior College Bi Strajk Ta’ Sagħtejn Minħabba Li L-Ftehim Kollettiv Magħhom Għadu Mhux Konkluż
Il-Unjin għall-Għalliema, l-MUT dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Junior College ħabret li l-letturi ta’ din l-Iskola llum bejn il-11:00am u s-1:00pm se jkunu qed joħorġu fuq strajk ordnat mill-Unjin.
L-MUT qalet li din l-azzjoni qed isseħħ minħabba n-nuqqas ta’ konklużjoni tal-ftehim kollettiv għal-letturi li jgħallmu l-Junior College.
Waqt il-konferenza ntqal li l-ftehim kollettiv skada f’Diċembru tal-2018, u tliet snin wara, l-Università ta’ Malta u l-Gvern għadhom ma wrewx ir-rieda tajba li jikkonkludu n-negozjati sabiex jidħol fis-seħħ ftehim ġdid. L-MUT qalet li huwa ċar li l-Università qed tipprova tuża l-instabbiltà tal-aħħar snin fil-Ministeru tal-Edukazzjoni bil-bidla ta’ erba’ Ministri, kif ukoll il-pandemija, sabiex tkompli toħloq aktar dewmien.
“L-Università ilha avżata b’din is-sitwazzjoni minn Awwissu li għadda, meta l-MUT iddikjarat tilwima industrijali.”
L-MUT qalet li matul din l-aħħar ġimgħa kien hemm tentattivi mill-Ministru l-ġdid sabiex is-sitwazzjoni tiġi żblukkata. Madanakollu, ntqal li dawn it-tentattivi ma ħallewx frott “minħabba r-ras iebsa ta’ xi wħud.”
L-MUT sostniet li mhix ser iċċedi qabel ma tara li l-letturi jingħataw l-għarfien mistħoqq permezz ta’ ftehim kollettiv ġdid. Il-Unjin qalet ukoll li lesta li tkompli għaddejja b’azzjonijiet oħra f’waqthom b’konsultazzjoni mal-membri.