Il-PN Jappella Lill-Gvern Biex Jirtira L-Miżuri Li Se Jiddaħħlu Fis-17 Ta’ Jannar
Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex jirtira l-miżuri li se jiddaħħlu fis-17 ta’ Jannar, li effettivament jagħmlu l-booster tal-vaċċin obbligatorju.
Fi stqarrija ntqal li meta wieħed iqis li iktar minn żewġ terzi tal-pajjiż diġà ħadu l-booster u l-Omicron qed jsir ir-razza dominanti f’Malta, il-PN jemmen li l-miżuri m’għadhomx jilħqu l-bilanċ adekwat bejn is-saħħa pubblika u l-libertajiet tan-nies.
Il-PN qal li filwaqt li jappoġġja bis-sħiħ il-parir tal-professjonisti tas-saħħa biex jittieħed il-vaċċin u l-booster, il-partit jemmen ukoll fid-drittijiet tan-nies li jieħdu d-deċiżjoni għalihom infushom, speċjalment fil-kuntest li qed jinbidel fil-pandemija.
“Dawk li huma xettiċi dwar il-booster jaf ikunu aktar konvinti minn parir mediku minn tabib tal-fiduċja tagħhom milli billi jkunu sfurzati mill-Gvern,” tenna l-PN filwaqt li qal li jinsab fiduċjuż li meta jingħataw l-informazzjoni t-tajba, in-nies ikunu responsabbli fl-għażliet u fl-attitudnijiet tagħhom, filwaqt li jkunu aktar rispettużi lejn ħaddieħor, speċjalment dawk li huma vulnerabbli.
Il-PN sostna, li ħafna qed iqisu dawn il-miżuri bħala eċċessivi u diskriminatorji, se jżidu wkoll piż ieħor fuq min iħaddem li diġà qed jiffaċċjaw diffikultajiet kbar fil-provvista tax-xogħol, żieda fl-ispejjeż u burokrazija miżjuda.
Il-PN temm jgħid li l-kits ta’ self-testing għandhom isiru legali u disponibbli, dan minħabba li l-call centres u l-faċilitajiet pubbliċi tal-ittestjar qed isiru aktar diffiċli biex jiġu aċċessati.