Il-PN Jisħaq Għal Azzjoni U Soluzzjoni Għall-Problemi Tal-Għoli Tal-Ħajja
“Quddiem ir-realtajiet li qed jaffaċċjaw il-familji, fosthom dik tal-għoli tal-ħajja, għandna Gvern li għalih qisu xejn m’hu xejn, għalhekk il-Partit Nazzjonalista jisħaq għal azzjoni u soluzzjoni.”
Dan kien il-messġġ li wassal il-Partit Nazzjonalista f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem għall-Kwalitá tal-Ħajja David Agius, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura, Sajd u n-Negozji ż-Żgħar Edwin Vassallo u mill-Kandidata għall-Elezzjoni Ġenerali Francine Farrugia.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li l-Oppożizzjoni ilha tisħaq għal numru ta’ xhur dwar il-problema tal-għoli tal-ħajja, fejn ħafna prodotti essenzjali qed jogħlew b’żieda li hija waħda sproporzjonata. Iżda quddiem dan kollu, il-Gvern ta’ Robert Abela mhux qed jagħti każ li jeżisti dan il-piż qawwi fuq il-familja u mhux jagħti każ il-pontenzjal tal-investiment fil-qasam tal-merkanzija. David Agius semma kif filwaqt li tal-qalba qed ikomplu jiffangaw, lill-familji Maltin, Gvern Laburista tahom biss 1.75 ewro fil-ġimgħa biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Huwa fakkar kif Partit Nazzjonalista fil-Gvern iwaqqaf fond nazzjonali, intiż biex il-Gvern jassisti lill-industrija lokali, imprendituri u SMEs sabiex jitnaqqsulhom id-diffikultajiet u spejjeż żejda kkawżati mill-insularitá ta’ gżiritna. Id-daqs tal- fond ivarja minn sena għall-oħra u jiddependi fuq mekkaniżmu maqbul mal-korpi kostitwiti rilevanti f’dan il- qasam. Fl-ewwel sena ta’ Gvern Nazzjonalista dan il-fond ser ikun ta’ €40 miljun.
Min-naħa tiegħu Edwin Vassallo qal li llum il-ġurnata l-għoli tal-ħajja huwa realtá, huwa problema għal kull min qiegħed fin-negozju, għal kull min huwa bidwi u raħħal. Il-proposti li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonali kapaci jgħinu lill-familji jaffaċċjaw il-problema tal-għoli tal-ħajja, problema li għall-Gvern ta’ Robert Abela, qisu xejn m’hu xejn
Edwin Vassallo qal li l-Gvern ta’ Robert Abela s’issa ma għamel xejn quddiem din il-kriżi. Fakkar li huwa importanti li f’pajjiżna jkollna mekkaniżmu li jibda jrazzan iż-żieda fil-prezzijiet minħabba l-ġarr tal-merkanzija.
Il-Kandidata Francine Farrugia qalet li f’Malta għandna sitwazzjoni diffiċli li qed jiffaccjaw diversi persuni u familji minħabba din id-daqqa tal-għoli tal-ħajja. Dan hekk kif l-għoli tal-hajja qed taffettwa lil diversi nies li mhumiex ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar, bil-paga ma sservihomx. Hija fakkret kif statistika tal-NSO stess tikkonferma li huwa minnu li l-prezzijiet ta’ affarijiet bażici qed ikomplu jiżdiedu. Iżda quddiem dan kollu, il-Gvern Laburista mhux iħoss il-polz tal-poplu Malti u Għawdxi.