“Il-PN Se Jkun Hemm Bħala Tarka Għal Kull Min Iħoss Li M’Għandux Vuċi” – Bernard Grech

 “Il-PN Se Jkun Hemm Bħala Tarka Għal Kull Min Iħoss Li M’Għandux Vuċi” – Bernard Grech

“Determinati li naħdmu fl-interess tiegħek, kull Malti li jrid bidla għal pajjiżna għandu jħares lejn il-Partit Nazzjonalista li b’umiltà jrid li flimkien nimxu ‘l quddiem.”

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza attività politika fil-Każin tal-PN f’Santa Luċija.

Matul id-diskors tiegħu Bernard Grech tkellem dwar il-ġimgħa li għadha kemm għaddiet, “ġimgħa li fiha erġajna rajna kuntrast bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista.” Hawnhekk semma’ l-unur li Roberta Metsola għamlet lil pajjiżna bl-elezzjoni tagħha bħala l-President il-ġdid tal-Parlament Ewropew u fuq in-naħa l-oħra, il-kriżi li reġgħet ħakmet lill-Partit Laburista wara l-istejjer li smajna fuq Joseph Muscat u d-dikjarazzjonijiet li għamel Robert Abela.

Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar l-abbozz ta’ liġi li preżenta l-PN fil-Parlament fejn ikkonferma li nhar il-Ħamis, fil-ġurnata riservata għall-Oppożizzjoni, dan l-abbozz se jkun diskuss fi stadju tat-tieni qari. “Dan wara l-pressjoni li għamel il-PN din il-ġimgħa.”

“Huwa biss grazzi u mertu għall-insistenza, persistenza u konsistenza tal-Oppożizzjoni kollha li fil-Parlament nhar it-Tnejn ser nibdew mexjin it-triq bħala pajjiż biex noħorġu mill-lista l-griża. Messaġġ qawwi internazzjonalment biex nuru li rridu pajjiż li jimxi ‘l quddiem. Għodda li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha. Dan huwa Partit li jaf fejn irid imur u kif Malta tista’ timxi ‘l quddiem. Dan huwa abbozz li ser iġib bidla għall-aħjar,” saħaq il-Kap tal-PN.

Bernard Grech reġa’ tenna l-wegħda tiegħu li l-PN jibqa’ jkun il-vuċi ta’ kulħadd anke fejn tidħol il-pandemija u r-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19. Il-Kap tal-PN saħaq li għandna Prim Ministru mehdi fuq l-inkwiet fil-PL minflok ma hu mehdi fuq kif se jisma’ l-karba tas-sidien tar-ristoranti li ma jistgħux jibqgħu għaddejjin kif inhuma bir-regoli dwar il-Covid. Bernard Grech qal li l-PN qiegħed hawn biex jitkellem għal kulħadd u irridu noħolqu bilanċ bejn il-bżonn tas-saħħa pubblika u l-libertajiet tal-individwu. Hu fakkar kif għaliex issa tkellem il-PN, il-Gvern jidher li se jibda jirrilaxxa xi miżuri fil-jiem li ġejjin. “Aħna se nkunu hemm bħala tarka għal kull min iħoss li m’għandux vuċi. Bħala PN dejjem ħadna ħsieb l-interessi ta’ dan in-nazzjon u hekk ser nibqgħu nagħmlu,” saħaq Bernard Grech.

L-attività politika kienet indirizzata wkoll mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Parlament David Agius, mid-Deputat Beppe Fenech Adami u minn Graziella Galea li għada tieħu l-ġurament bħala Deputat f’isem il-PN.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com