“Qegħdin F’Qagħda Li Nħabbru Kif Mill-Ewwel Ġimgħa Ta’ Frar Se Nneħħu Aktar Restrizzjonijiet” – Il-PM Robert Abela

 “Qegħdin F’Qagħda Li Nħabbru Kif Mill-Ewwel Ġimgħa Ta’ Frar Se Nneħħu Aktar Restrizzjonijiet” – Il-PM Robert Abela

“Kburi li nistgħu nitħaddtu dwar il-futur tal-gżira. Nistgħu nitkellmu dwar dan għax l-istrateġija fl-aktar mumenti diffiċli ħadmet… Għawdex xogħol u investiment bla preċedent. Għal kull miżura li għamilna f’Malta biex nappoġġjaw lin-nies, rajna li f’Għawdex tkun iktar ġeneruża biex nipproteġu lil din il-gżira. Għawdex baqa’ miexi ‘l quddiem mhux staġnat ħabba l-pandemija.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista waqt attività politika fin-Nadur, Għawdex fejn emfasizza kif fl-aħħar sentejn fil-gżira Għawdxija spikkaw il-miżuri fejn issarrfu fl-anqas livelli ta’ qgħad, fl-anqas rata ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol u l-aktar numru ta’ Għawdxin li jaħdmu f’Għawdex stess tant li f’pandemija nħolqu 2,000 impjieg ġdid.

Fost l-akbar proġetti li saru fil-Gżira Għawdxija fl-aħħar xhur, il-Prim Ministru semma kif il-proġett tal-Fast Ferry kien game changer, it-tieni fibre optic cablem, ir-reverse osmosis fejn Għawdex ma baqax dipendenti fuq Malta għall-ħażna tal-ilma.

Minkejja l-pandemija, il-pjan tal-Gvern kien li jibqa’ għaddej bil-proġetti kollha li kellu pjanati u jinvestu iktar bis-saħħa fin-nies. Il-Prim Ministru qal li n-negozji l-aktar milquta se jibqgħu jingħataw l-għajnuna sakemm huwa meħtieġ.

“Mil-lat ta’ saħħa, dejjem nimbuttaw għal rata ta’ vaċċinazzjoni għolja. It-tilqima m’hemmx dubju li hija s-soluzzjoni tal-pandemija. Żidna r-rata ta’ vaċċinazzjoni u għax irnexxielna, issa qegħdin f’qagħda li din il-ġimgħa se nħabbru kif mill-ewwel ġimgħa ta’ Frar se nneħħu aktar restrizzjonijiet. Pajjiżna jrid ikompli fit-triq tal-irkupru li qabad,” tenna l-Prim Ministru Robert Abela.

Huwa kompla jgħid li d-differenza bejn iż-żewġ partiti hija ċara. “Ma’ dan il-Gvern taf fejn qiegħed. Mal-Oppożizzjoni qatt ma tkun taf fejn qiegħed.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-governanza fejn qal li din dejjem kienet pilastru ieħor fundamentali f’dawn l-aħħar sentejn. Robert Abela qal ukoll kif f’pajjiżna tirrenja demokrazija vibbranti fejn kulħadd huwa kontabbli għal għemilu u l-istituzzjonijiet iridu jaħdmu għall-ġustizzja biss u għall-ebda għan ieħor.

“Ma nistax nibqa’ sieket li l-istituzzjonijiet iridu jaqdu dan. In-nies bir-raġun tippretendi li mmexxu bl-eżempju, jippretendu l-ogħla standards imma jippretendu wkoll li l-istituzzjonijiet jaqdu biss il-funzjonijiet tagħhom. Kull awtorità ma tistax tiġi tterrorizzata minn xi ħadd biex jikkundizzjonawlhom id-deċiżjonijiet tagħhom inkluż min pubblikament ma jiddejjaqx juri li qed tinqabeż il-linja anke fl-aktar istituzzjonijiet sensittivi f’pajjiżna.

“Ir-reazzjoni tagħna nserrħilkom raskom li se tkun ta’ aktar u aktar ħidma għall-ġid tal-poplu Malti. Gvern jgħin lill-istituzzjonijiet kollha biex jiffaċilita d-deċiżjonijiet tagħhom u għalhekk l-appell tiegħi – Aħna qegħdin hawn għan-nies, se nibqgħu nitkellmu u niddefendu lin-nies.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com