Il-Pulizija Tisfratta Serqa Fil-Ħin – Raġel Arrestat B’Rabta Ma’ Diversi Serqiet Wara Li Prova Jaħrab
Raġel ta’ 45 sena residenti Tal-Pietà ġie arrestat b’rabta ma’ serq minn diversi vending machines.
L-arrest sar ilbieraħ għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu waqt li l-Pulizija tal-Għassa tal-Belt Valletta kienu fuq ronda fi Triq l-Assedju l-Kbir il-Furjana.
Il-Pulizija spjegat kif innutat raġel ħdejn vending machine ta’ pompa tal-petrol jixbah suspettat li kien wettaq serq mill-istess magni.
Il-Pulizija bdiet mixja lejh iżda xħin lemaħ il-pulizija, ir-raġel beda mixi biex jitlaq minn fuq il-post. Il-Pulizija segwietu u tatu ordni biex jieqaf, imma minflok ir-raġel telaq jiġri sabiex jaħrab. Huwa ġie arrestat ftit tal-mumenti wara u minn tfittxija li saret, irriżulta li r-raġel kien fil-pussess t’oġġetti relatati ma’ serq.
Wara l-arrest, il-Pulizija għamlet tfittxija fir-residenza tiegħu fejn instabu ukoll ħwejjeġ li deher liebes is-suspettat fil-filmati tas-sigurtà f’serq preċedenti.
Huwa mistenni jitressaq il-Qorti għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħodu, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Ian Farrugia.