Imħabbar Pjan Ta’ Ristrutturar Sabiex L-Air Malta Tkun Salvata – Il-Ħaddiema Jridu Jinżlu Bin-Nofs
Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana f’konferenza tal-aħbarijiet ħabbar illi biex il-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta ssalva hemm bżonn li n-numru ta’ ħaddiema jinżel bin-nofs.
Intqal li dalgħodu saret laqgħa mal-unions kollha dwar id-diskussjonijiet li l-Gvern kellu mal-Kummissjoni Ewropea u dwar x’inhi triq ‘il quddiem.
Il-Ministru Caruana qal li bħalissa hemm 890 ruħ u dawn iridu jinżlu għal 430.
Mil-lejla stess il-Gvern se jniedi skema ta’ Voluntary Employee Transfer sabiex dawk interessati jidħlu f’impjieg alternattiv mal-Gvern.
Sa l-ewwel kwart tas-sena din l-iskema ħa tkun miftuħa għall-ħaddiema li jaħdmu fl-amministrazzjoni jew Cabin Crew, li minn dawn se jkun jeħtieġ li jitilqu madwar 100 ħaddiem.
Sat-tieni kwart tas-sena se jkunu qed jitwaqqfu mat-300 ħaddiem li jaħdmu bħala groundhandlers. Dan is-servizz minflok se jibda jsir minn kumpanija privata.
Il-Ministru Caruana qal li s-servizz tal-ground handling f’Malta jiswa’ €12-il miljun fis-sena, li jfisser li jiswa’ aktar mill-ajruport ta’ Charles de Gaulle fi Franza.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Air Malta David Curmi qal li l-problemi tal-Air Malta ma bdewx bil-pandemija.
Qal li l-kumpanija ilha tirreġistra telf mill-2005 u sal-2020 għamlet telf ta’ €258 miljun.
Huwa kien ċar ukoll meta semma’ li rotot li mhumiex profittabbli, se jitwaqqfu.