Imħabbra L-Iskemi Ta’ Finanzjament Għar-Reżiljenza Għall-2022 Bħala Parti Mill-Investiment Ta’ €7M F’Finanzjament Għall-Arti

 Imħabbra L-Iskemi Ta’ Finanzjament Għar-Reżiljenza Għall-2022 Bħala Parti Mill-Investiment Ta’ €7M F’Finanzjament Għall-Arti

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u mid-Direttur għall-Finanzjament tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi, tħabbar li l-ewwel sejħa tal-Programming Support Scheme 2022 hija miftuħa. Din l-iskema tifforma parti mill-fondi għar-reżiljenza li jinkludu wkoll l-Iskema għall-Assigurazzjoni tal-Avvenimenti u l-Iskema ta’ Utilizzazzjoni tal-Postijiet ippubblikati f’Diċembru tal-2021.

Il-Ministru Herrera qal li, “L-element ta’ reżiljenza fil-portafoll ta’ skemi tal-Kunsill Malti għall-Arti huwa essenzjali sabiex nipprovdu lill-artisti u lill-kreattivi l-assigurazzjoni meħtieġa fl-iżvilupp u fil-produzzjoni ta’ proġetti waqt iż-żminijiet ta’ inċertezza li l-pandemija ġabet magħha.”

Id-Direttur tal-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, tenniet li l-involviment tal-kunsill lejn is-setturi kreattivi u kulturali jinkludi li jipprovdi lill-artisti, lill-individwi kreattivi u lill-prattikanti kulturali bl-għodod meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ programmi li jirriflettu t-tkabbir tas-setturi, li diġà kien qed iseħħ qabel il-pandemija. “Aħna għandna nħarsu lejn il-futur bl-ambizzjoni li noħolqu programm aktar vibranti, sostenibbli u professjonali għax-xhur u għas-snin li ġejjin.”

L-ewwel sejħa għall-Programme Support Scheme tkopri programmi li se jseħħu bejn Mejju 2022 u Novembru tal-2023. Din is-sejħa, li se tagħlaq fit-23 ta’ Frar 2022, hija waħda minn tliet sejħiet mifruxa matul l-2022. L-applikanti jeħtieġu jipprovdu programm ta’ attivitajiet b’għan komuni, li jista’ jinkludi avvenimenti, produzzjonijiet, prestazzjonijiet, esibizzjonijiet, festivals, inizjattivi kulturali tal-komunità, inizjattivi ta’ taħriġ u żvilupp allinjati ma’ previżjoni ta’ baġit.

L-għan tal-Programme Support Scheme huwa li tiffaċilita aktar flessibbiltà finanzjarja u strateġika, sigurtà, kollaborazzjonijiet, involviment innovattiv tal-udjenza, żvilupp tal-ħiliet u akkwist ta’ servizz loġistiku, filwaqt li tnaqqas ir-riskju ta’ telf mhux mistenni li jseħħ minħabba restrizzjonijiet mhux mistennija relatati mas-saħħa pubblika jew kwistjonijiet relatati.

Din l-iskema se tippermetti kumpens għal avvenimenti bilqiegħda li se jkollhom joperaw inqas mill-kapaċità sħiħa minħabba r-restrizzjonijiet ta’ saħħa pubblika. Il-kumpens limitat jaħdem madwar id-differenza bejn il-bejgħ previst ta’ biljetti f’ċirkostanzi mingħajr restrizzjonijiet ta’ saħħa pubblika u l-bejgħ previst ta’ biljetti bir-restrizzjonijiet ta’ saħħa pubblika attwali. Applikazzjonijiet li jagħżlu li jinkludu kumpens għall-postijiet permezz ta’ din l-iskema jistgħu jikkunsidraw li jissottomettu applikazzjoni separata permezz tal-Iskema ta’ Utilizzazzjoni tal-Postijiet.

Barra minn hekk, hemm inkluż ukoll l-Iskema ta’ Assigurazzjoni għall-Avvenimenti li hija maħsuba biex tipprovdi l-assigurazzjoni meħtieġa għal professjonisti kulturali u artistiċi f’każ ta’ introduzzjoni mill-ġdid ta’ miżuri ta’ restrizzjoni lil hinn minn dawk preżenti. Din l-iskema se tipprovdi mitigazzjoni fuq miżuri li jista’ jkollhom impatt devastanti fuq l-industrija u se tipprovdi appoġġ biex tkopri investimenti abbażi ta’ ħin u ekwità fil-preparazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet/avvenimenti.

L-Iskema ta’ Utilizzazzjoni tal-Postijiet u l-Iskema għall-Assigurazzjoni tal-Avvenimenti huma miftuħa matul l-2022 bi skadenzi speċifiċi sabiex ikopru xhur distintivi kif imniżżel fil-Linji Gwida u r-Regolamenti ppubblikati mill-Kunsill Malti għall-Arti.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com