Imnedija Żewġ Kampanji Ta’ Għarfien Marbuta Mal-Qasam Tas-Saħħa Immirati Lejn Persuni LGBTIQ
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici nieda l-proġett Transform, li huwa proġett li jinkludi żewġ kampanji ta’ għarfien marbuta mal-qasam tas-saħħa u l-komunità LGBTIQ.
L-ewwel waħda hija immirata biex tara li l-ambjenti tal-kura tas-saħħa jkunu spazji siguri u inklussivi għal pazjenti LGBTIQ. L-oħra għandha l-għan li tqajjem kuxjenza fost persuni LGBTIQ dwar numru ta’ riskji għas-saħħa li din il-komunità tesperjenza, u xxerred informazzjoni dwar servizzi tas-saħħa eżistenti immirati lejn il-komunità LGBTIQ u kif wieħed jista’ jkollu aċċess għalihom.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici qal li dan huwa pass ieħor favur ugwaljanza sħiħa f’pajjiżna. “Biex ikollna l-ugwaljanza f’pajjiżna,” saħaq il-Ministru Bonnici, “m’għandniex sempliċiment noffru s-servizzi lil kulħadd u nieqfu hemm. Biex verament noffru servizzi b’mod ekwu, irridu l-ewwel nagħrfu l-bżonnijiet diverġenti tad-diversi komunitajiet. Hekk inkunu f’pożizzjoni li nipprovdu s-servizzi u l-informazzjoni verament meħtieġa.”
Huwa rringrazzja lid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-Ministeru tat-tmexxija tal-ħidma.
Ritratti: DOI