Investiment Ta’ €3 Miljun Li Se Jgħolli L-Livell Fl-Istadium Matthew Micallef St John Għal Wieħed Internazzjonali
Proġett b’investiment ta’ €3 miljun se jgħolli l-livell tal-istadium Matthew Micallef St John għal wieħed internazzjonali, u b’hekk se tgawdi l-komunità kollha sportiva u l-atleti jkollhom faċiltajiet mill-aqwa fejn ikomplu jipprattikaw l-isport tagħhom.
“B’dan l-investiment il-faċilitajiet f’dan il-kumpless issa se jkunu jistgħu jospitaw kompetizzjonijiet kemm lokali u wkoll internazzjonali f’ambjent imtejjeb u modern”, stqarr il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima.
“Mhux biss se nwettqu proġett ieħor għall-benefiċċju tal-isportivi Maltin u Għawdxin, imma dan il-proġett se jwassal biex bħala pajjiż inkunu nistgħu nattiraw turiżmu sportiv”, qal il-Ministru Grima. Dan se jkun possibbli għaliex il-proġett se jaħseb biex il-faċilitajiet ikunu jistgħu jintużaw f’kull tip ta’ temp. Il-proġett se jara wkoll li l-faċilitajiet ikunu aċċessibbli għal kull atleta. “B’dan il-proġett, il-Marsa issa se jkollha erba’ impjanti sportivi kollha ta’ livell internazzjonali”, kompla l-Ministru Grima.
L-investiment jinkludi l-bini mill-ġdid tal-istand ċentrali, li kellha titwaqqa’ minħabba li kienet fi stat perikoluż, titjib tal-faċilitajiet għal-livell adegwat, fosthom billi se jkun irranġat il-bini kollu u se jkunu pprovduti spazji għall-uffiċċji tal-Assoċjazzjoni tal-Atletika. Is-saqaf fuq it-trakka tal-warm-up se jipprovdi wkoll ilqugħ għal kull tip ta’ temp, biex tkun tista’ tintuża matul is-sena kollha u b’hekk pajjiżna jiġbed turiżmu sportiv. Mat-tlestija tal-proġett, l-istands se jakkomodaw 3,000 spettatur.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li, “Dan il-proġett huwa wieħed partikolari għaliex qed isir fi żmien rekord. SportMalta minn dejjem tat l-importanza neċessarja lill-Isport tal-Atletika u wara investiment ta’ miljun u nofs ewro fit-trakka prinċipali u tal-warm up, issa se jsir investiment maġġuri biex il-ground jigi ttrasformat fi stadium ta’ kwalita biex jospita kompetizzjonijiet kbar fosthom il-loghob tal-Ispecial Olympics u l-Loghob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-2023″.
L-investiment jaħseb ukoll fost oħrajn għal kafetterija ġdida u gym ġdid, li bejniethom se jkunu ta’ 350 metru kwadru. Madwar il-faċilitajiet kollha se jsir ukoll proġett ta’ titjib fl-ambjent permezz ta’ tħaddir tal-ispazji kollha filwaqt li jkun imħares l-ambjent bl-istallazzjoni ta’ 1,500 metru kwadru ta’ pannelli PV.
Ritratti: DOI