It-Teatru Manoel Jiċċelebra L-ImħABBA Għall-Mużika Fi Frar Li Ġej

 It-Teatru Manoel Jiċċelebra L-ImħABBA Għall-Mużika Fi Frar Li Ġej

Fi tliet rappreżentazzjonijiet biss, il-Manoel se jiċċelebra 50 sena ta’ mużika mill-grupp pop l-aktar famuż tal-Iżvezja

Aqla’ l-platforms minn taħt munzel trab u ara jekk jirnexxilekx taqfel il-buttuna tal-bell bottoms, għax fi Frar it-Teatru Manoel se jiċċelebra bil-kbir il-mużika leġġendarja tal-artisti mużikali fost l-aktar popolari ta’ kull żmien.

Waqt l-ispettaklu GOLD: Celebrating 50 Years of Music by Sweden’s Most Famous Pop Group, l-udjenzi se tmisshom ix-xorti li jgawdu l-kanzunetti favoriti tagħhom tal-ABBA, interpretati live minn kast stellari – għal tliet wirjiet biss, fl-10, 11 u 12 ta’ Frar fit-8pm.

Għal din il-produzzjoni tat-Teatru Manoel, l-Artist Kreattiv Antoine Farrugia u l-Mexxej tal-Band Melchior Busuttil se jmexxu tim kreattiv eċċellenti biex iwasslu fuq il-palk tat-teatru nazzjonali ta’ Malta l-ispettaklu GOLD: Celebrating 50 Years of Music by Sweden’s Most Famous Pop Group.

Bl-interpretazzjoni tal-kanzunetti klassiċi tal-grupp pop, fosthom Dancing Queen, Waterloo, Knowing Me Knowing You, Take a Chance on Me u ħafna oħrajn, dan l-ispettaklu ġdid u allegruż se jittella’ bis-sehem ta’ wħud mill-aktar kantanti magħrufa fil-gżejjer Maltin, bħal Jasmine Abela, Michela Galea, Martina Borg, Glen Vella, Kevin Borg u Ludwig Galea. Fir-rappreżentazzjoni se jieħdu sehem ukoll żeffiena minn Dancel Dance Studio b’koreografija ta’ Celaine Buhagiar.

“It-Teatru Manoel għandu pjaċir kbir li se jippreżenta GOLD: Celebrating 50 Years of Music by Sweden’s Most Famous Pop Group fi Frar li ġej,” qal il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, Massimo Zammit. “Dan l-ispettaklu divertenti u ferrieħi huwa preċiż dak li hemm bżonn biex iġib tbissima fuq wiċċ iż-żgħar u l-kbar, b’din il-mużika inkredibbli li sa minn dejjem għandha l-kwalità li tispira lin-nies biex iħossuhom ferħanin u pożittivi dwar il-ħajja.”

GOLD: Celebrating 50 Years of Music by Sweden’s Most Famous Pop Group se jittella’ fit-Teatru Manoel fl-10, 11 u 12 ta’ Frar, u l-wirjiet kollha jibdew fit-8pm. Dan l-avveniment huwa konformi mal-linji gwida kurrenti kollha b’rabta mal-COVID-19. Il-membri tal-udjenza huma meħtieġa jippreżentaw ċertifikat tat-tilqim validu fil-bieb. Il-biljetti jistgħu jinxtraw permezz ta’ email fuq [email protected] , billi ċċempel fuq (+356) 21246389 jew inkella online fuq www.teatrumanoel.mt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com