“L-ismijiet u T-Tifkira Ta’ Daphne Caruana Galizia, Lassana Cisse U Miriam Pace Se Jiggwidawna, Jakkumpanjawna U Jispirawna…” – Daniel Darmanin

 “L-ismijiet u T-Tifkira Ta’ Daphne Caruana Galizia, Lassana Cisse U Miriam Pace Se Jiggwidawna, Jakkumpanjawna U Jispirawna…” – Daniel Darmanin

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta nediet dokument għad-diskussjoni bil-għan li tħeġġeġ liċ-ċittadini Maltin jirriflettu fuq kif bħala pajjiż nistgħu naħdmu sabiex tkompli tinbena l-paċi, filwaqt li nsawru soċjetà li tippromwovi l-ġid komuni u ttejjeb il-benessri tal-persuni, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.

Dan id-dokument bl-isem ta’ ‘Yahad’, terminu bl-Ebrajk li jirreferi għas-sens ta’ għaqda u komunità, hu maqsum fi tliet taqsimiet: l-ewwel dwar il-ġrajjiet li kixfu l-ġrieħi tas-soċjetà Maltija, it-tieni dwar il-virtujiet li jistgħu jservu ta’ gwida matul il-proċess ta’ fejqan, rikonċiljazzjoni u tiġdid tas-soċjetà, u t-tielet dwar l-impenn fil-prattika ta’ kull ċittadin favur soċjetà li, bħalma jisħaq il-Papa Franġisku, twarrab “il-kultura tal-ħela” u tagħmel post għall-“kultura tal-laqgħa”.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja tal-Arċisqof, Daniel Darmanin, il-President tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, qal li minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż, matul is-sena, iċ-ċirkustanzi ta’ nuqqas ta’ paċi u trankwillità ma jonqsux. Dan jiġri sew minħabba piki personali jew piki fuq politika partiġġana, twemmin reliġjuż jew minħabba l-affiljazzjoni ma’ xi każin tal-banda jew tim tal-futbol. Qal li “aktar minn sempliċi dokument, dan
huwa mudell tas-soċjetà li nistgħu nkunu u għandu jservi ta’ għajnuna fil-proċess li jwassal sabiex il-firdiet ta’ bejnietna jingħalqu u l-ġrieħi jiddewwew, b’mod partikolari hekk kif il-pajjiż jinsab fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali”.

Daniel Darmanin qal li dan il-proċess jinvolvi riflessjoni dwar dak li għaddejna minnu bħala pajjiż, fiex qegħdin u fejn sejrin bħala soċjetà. Huwa spjega li d-dokument jibda b’riflessjoni dwar il-ħajja ta’ erba’ vittmi li ħallsu l-ogħla prezz fis-soċjetà għas-suċess li qed ingawdu minnu fis-soċjetà. “L-ismijiet u t-tifkira ta’ Daphne Caruana Galizia, Lassana Cisse u Miriam Pace se jiggwidawna, jakkumpanjawna u jispirawna biex
nirriflettu fuq dawk ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna li jeħtieġu li jiġġeddu u jiġu rikonċiljati.

Se nkunu mmexxija wkoll mill-karba tal-Vittma Bla Wiċċ, li tirrappreżenta lil kull min qiegħed jagħmel li jista’ biex jgħix ħajja tajba f’ċirkostanzi li, f’xi waqtiet, jagħmluha aktar faċli li timxi mal-kurrent jew li tiskot bil-konsegwenza jinħolqu aktar vittmi tal-inġustizzja,” qal Daniel Darmanin.

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li dan id-dokument hu kontribut importanti mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi għal rikonċiljazzjoni li tkun ibbażata fuq il-verità, il-ġustizzja u l-imħabba. Huwa spjega li “d-dokument tal-Arċidjoċesi ‘Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed’, li qed imexxi lill-Knisja f’Malta fil-viżjoni u l-għażliet pastorali, jenfasizza ħafna l-bżonn ta’ ħidma għal rikonċiljazzjoni li tfejjaq id-diversi ġrieħi tal-poplu f’Malta.

Id-dokument ‘Yahad’ jagħti wkoll suġġerimenti siewja ħafna u hu wkoll ta’ inkoraġġiment kbir għal kull min qed jagħti diġà kontribut validu fis-soċjetà u hu ispirat mill-valuri tat-tagħlim soċjali tal-Knisja”.

Matul ix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi se torganizza sensiela ta’ inizjattivi u attivitajiet li għandhom ikomplu jservu ta’ għajnuna għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali. L-individwi, il-familji, il-komunitajiet u l-politiċi huma mħeġġa jieħdu sehem f’din id-diskussjoni billi jużaw il-hashtag #YahadMT fuq il-media soċjali. Id-dokument kollu jinsab fuq il-websajt yahad.mt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com