Jinħatar Kumitat Ta’ Esperti Bil-Għan Li Tissaħħaħ Il-Protezzjoni Tal-Ġurnalisti U L-Libertà Tal-Espressjoni

 Jinħatar Kumitat Ta’ Esperti Bil-Għan Li Tissaħħaħ Il-Protezzjoni Tal-Ġurnalisti U L-Libertà Tal-Espressjoni

Il-Gvern ħabbar li ħatra kumitat ta’ esperti dwar is-settur tal-midja kif suġġerit mill-Bord tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija ġie spjegat li dan il-kumitat se jaħdem taħt it-tmexxija tal-Imħallef Michael Mallia li mexxa wkoll l-inkjesta pubblika. Il-membri f’dan il-kumitat huma l-Professur Carmen Sammut, l-Avukat Kevin Dingli, il-Professur Saviour Formosa u l-ġurnalisti Matthew Xuereb, Kurt Sansone, Saviour Balzan, u Neil Camilleri.

Intqal li dan hu pass ieħor ‘l quddiem fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika, “bil-bidliet li se jsiru fiż-żmien li ġej ikomplu jingħaqdu ma’ riformi bla preċedent li għamel dan il-Gvern favur is-saltna tad-dritt u l-governanza tajba,” temm jgħid l-Uffiċju tal-Prim Ministru.

Intant, il-Partit Nazzjonalista laqa’ il-ħatra ta’ dan il-kumitat, però qal li dak li qed jipproponi l-Gvern hu biss qatra fl-oċean. Il-PN qal li din hija “reazzjoni dgħajfa għall-abbozz ta’ liġi bla preċedent li ressaq il-Kap tal-PN Bernard Grech it-Tnejn filgħaxija.”

Fi stqarrija l-PN qal li għaddew sitt xhur wara l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika u kien biss wara li ppreżenta l-abbozz ta’ liġi l-Kap tal-Oppożizzjoni li l-Gvern rreaġixxa.

Il-PN tenna l-appell biex il-Prim Ministru Robert Abela jilqa’ l-appell tal-oppożizzjoni u jiddiskuti l-abbozz imressaq mill-aktar fis fil-Parlament.

Ritratt: NET News

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com