Kumpanija Innovattiva Maltija Tal-IA Tara Tkabbir Notevoli Wara Finanzjament Minn Horizon2020
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Riċerka u Innovazzjoni Owen Bonnici żar l-uffiċċju ta’ InboundMuse, kumpanija li bbenefikat mill-programm ta’ finanzjament Horizon2020. Din il-kumpanija hija Innovations Hub, ibbażata f’Malta, li tagħti servizzi ta’ konsulenza speċjalizzati ffukati fuq avvanzi fl-intelliġenza artifiċjali u approċċ għan-negozju immexxi mid-data.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Ministru Bonnici kellu l-opportunità li jitkellem mal-impjegati u ntwera preżentazzjoni dwar l-avvanz tal-kumpanija grazzi għall-programm ta’ finanzjament Horizon2020, li issa ġie sostitwit bil-programm Horizon Europea.
Waqt id-diskors tiegħu, il-Ministru Owen Bonnici faħħar lill-kumpanija għall-kisbiet tagħha.
“Permezz ta’ dan il-finanzjament,” qal il-Ministru Bonnici, “din il-kumpanija li tispeċjalizza fit-teknoloġija tal-intelliġenza artifiċjali rnexxielha ssir kumpanija innovattiva li tesporta teknoloġija Made in Malta barra minn xtutna. Dan huwa eżempju perfett ta’ kif kumpanija tista’ tibbenefika meta tinvolvi ruħha fi programmi bħal Horizon2020. Għalhekk inħeġġeġ kumpaniji oħra biex isegwu l-eżempju tagħhom u jisfruttaw opportunitajiet bħal dawk pprovduti minn Horizon Europe ukoll,” żied jgħid il-Ministru Bonnici.
“Aħna kburin ħafna b’dan it-talent Malti,” qal Dr Bonnici.
Mill-2015, Tyron Lloyd Baron u Mark Mallia mexxew tim li kompla dejjem jikber u jissaħħaħ u llum jimpjega 10 persuni ffukati fuq l-intelliġenza artifiċjali u x-xjenza tad-data.
Issa InboundMuse għandha pjanijiet biex tirdoppja għal 20 impjegat full-time sal-aħħar tal-2022. InboundMuse irnexxielha tiġbed lejn Malta l-kumpanija importanti internazzjonali tal-I.A. Altada Technologies, li issa fetħet uffiċċji fi Smart City biex tkun iktar qrib tal-imsieħba strateġiċi tagħha fi triqithom lejn l-espansjoni globali. Flimkien, dawn il-kumpaniji innovattivi li qed jikbru b’rata mgħaġġla se jibqgħu ffukati fuq l-innovazzjoni u l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali għas-suq globali.
Ritratti: DOI