“Ma Tistax Tgħidli Tort Taċ-Ċina Jekk Il-Weġgħa Qed Inħossa Jien Hawn Ġo Ħaż-Żebbuġ” – Peter Agius

 “Ma Tistax Tgħidli Tort Taċ-Ċina Jekk Il-Weġgħa Qed Inħossa Jien Hawn Ġo Ħaż-Żebbuġ” – Peter Agius

“L-għoli tal-ħajja qed jagħfas fuq il-familji u mistenni jkompli jagħfas aktar tul din is-sena.”

Hekk saħaq il-Kelliem Ewlieni tal-PN Peter Agius fuq il-mezzi soċjali tiegħu fejn qal li fl-aħħar xhur kellmuh bosta nies dwar dan. “Qasmu miegħi realtajiet li jgħixu fis-skiet ta’ darhom, fejn sar diffiċli twassal sal-aħħar tax-xahar, fejn trid tagħżel bejn żarbun ġdid għat-tifla jew xirja laħam,” kompla jisħaq Agius.

Huwa qal li ma’ nistgħux nibqgħu ċassi quddiem dan, u minn imexxi ma jistax jibqa’ jwaħħal fl-ekonomija internazzjonali mingħajr ma jara kif jista’ jgħin liż-żgħir fl-irħula tagħna. “Ma tistax tgħidli tort taċ-Ċina jekk il-weġgħa qed inħossa jien hawn ġo Ħaż-Żebbuġ,” qal Peter Agius.

“Hemm ħafna xi jsir,” kompla jikteb Agius fejn qal li l-ewwel għadna naraw għafejn il-pagi f’bosta setturi jinsabu staġnati minn qabel il-Covid-19. “Jeħtieġ ninvestu bis-serjetà fil-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin biex kulħadd ikollu l-ambizzjoni ta’ paga aħjar għax jipproduċi aktar, għax kapaċi aktar.”

Peter Agius semma kif attwalment dak li qed jagħmel il-Gvern huwa li jikkuntenta bil-‘full employment’, “sitwazzjoni artifiċjali li taħbi l-eluf ta’ kuntratti li qed jagħti l-Gvern stess biex nefaħ is-settur pubbliku daqs bużżieqa bla qies,” sostna l-Kelliem tal-PN.

Huwa kompla jispjega kif l-effett tad-dejn “straordinarju” ser jibda jinħass hekk kif il-pandemija tidher li ser idum aktar magħna. Dejn li Agius qal li l-Gvern daħħalna għalih bl-abbuż tal-flejjes pubbliċi u infiq bla skrupli mal-ħbieb tal-ħbieb.

Peter Agius qal li Robert Abela qed jibqa’ jwaħħal fil-pandemija għal kawża tad-dejn, “iżda aħna nafu li hemm kważi nofs id-dejn li għamel fl-aħħar sentejn li mal-pandemija m’għandu x’jaqsam xejn.”

“Nofs id-dejn ġej mill-ħela u l-korruzzjoni,” saħaq Peter Agius fil-kitba tiegħu, filwaqt li temm jgħid li “dawn huma r-raġunijiet għaliex Abela ma jistax jgħin lilek biex taffronta l-għoli tal-ħajja jew biex tkampa aħjar f’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija.”

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com