Mariella Dimech Tinħatar Bħala L-Ewwel Chairperson Eżekuttiv Tal-Awtorità Dwar L-Użu Responsabbli Tal-Kannabis

 Mariella Dimech Tinħatar Bħala L-Ewwel Chairperson Eżekuttiv Tal-Awtorità Dwar L-Użu Responsabbli Tal-Kannabis

Is-Sinjura Mariella Dimech inħatret bħala l-ewwel chairperson eżekuttiv tal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis, liema awtorità twaqqfet bil-liġi l-ġdida li daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Diċembru li għadda. Din il-ħatra, li saret mill-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Owen Bonnici, hi għal perjodu ta’ tliet snin.

Is-Sinjura Dimech hija psikoterapista. Għal 21 sena ħadmet mal-Caritas fejn għal għaxar snin kienet il-Koordinatriċi tal-Programmi u s-Servizzi kollha ‘Tama Ġdida’, bil-għan li jingħata sostenn lill-persuni vittmi tad-droga u lill-familjari tagħhom.

Bħala koordinatriċi kellha r-responsabbiltà, fost oħrajn, tat-tfassil ta’ programmi kliniċi tas-servizzi kollha.

Għal sitt snin kienet tmexxi l-Komunità Terapewtika ta’ San Blas. Taħt it-tmexxija tagħha ġie introdott għall-ewwel darba l-kunċett ta’ trattament residenzjali għal persuni li jkunu vittmi tad-droga u kienet parti integrali tal-ħidma li bis-saħħa tagħha nħolqu l-istrutturi, is-sistemi ta’ ħidma, policies u gruppi kliniċi kollha ta’ San Blas u l-programmi u s-servizzi ‘Tama Ġdida’.

Is-Sinjura Dimech ilha wkoll għall-aħħar tnax-il sena tmexxi l-klinika privata tagħha u wettqet studji dwar l-użu ħażin tas-sustanzi u l-isfidi marbuta ma’ dan l-użu ħażin.

Fil-karriera tagħha, is-Sinjura Dimech kellha esperjenzi wkoll fuq ix-xandir u fil-kamp tal-amministrazzjoni ta’ Kenn għal Saħħtek, il-Malta Community Chest Fund u entitajiet sportivi. Hija tat ukoll għal diversi snin, taħriġ lil diversi kumpaniji dwar sfidi organizzattivi fuq il-post tax-xogħol.

Fi stqarrija ntqal li nħatar ukoll għal perjodu ta’ tliet snin l-ewwel Bord tal-Awtorità li, apparti li se jitmexxa mis-Sinjura Dimech, se jkun magħmul ukoll minn Dr Janice Formosa Pace (Deputat Chairperson) u Nadine Brincat, Sina Bugeja, Dr Marius Caruana, Dr Charles Cassar, Dr Gabriel Farrugia, Dr Paul Micallef u Charles Scerri (membri). L-Avukat Joe Reno Vella se jservi bħala Segretarju tal-Bord. ​

L-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis ser ikollha diversi funzjonijiet importanti, fosthom li taġixxi ta’ regolatur għal kull assoċjazzjoni non-profit li l-attivitajiet tagħha jkunu jinvolvu l-kultivazzjoni u l-pussess tal-kannabis għat-tqassim fost il-membri tagħha, li jridu jkunu adulti.

L-awtorità għandha l-obbligu li torganizza u tippromwovi kampanji edukattivi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis imsejsa fuq fatti xjentifiċi filwaqt li tingħata informazzjoni ċara u imparzjali dwar ir-riskji u l-elementi l-oħra tal-użu tal-kannabis b’referenza għall-età u b’kontenut xieraq.

B’effett immedjat, is-Sinjura Dimech se tkun qed tara li toħloq l-istrutturi kollha meħtieġa, inklużi dawk marbuta ma’ sistemi operazzjonali u regolamentazzjoni, sabiex l-awtorità tkun f’pożizzjoni li tilqa’ l-ewwel talbiet għal reġistrazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet fi żmien qasir.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com